Thursday, December 26, 2024

L-UE bla qbil dwar ftehim ta’ rkupru mill-Coronavirus

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Ministri tal-Finanzi tal-UE naqsu milli jilħqu ftehim ta’ rkupru ekonomiku biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-Conoravirus. Dan ġie mħabbar mill-kap tal-Eurogroup, Mario Centeno li fi Tweet qal li wara 16-il siegħa ta’ diskussjonijiet, il-grupp ġie qrib ftehim iżda s’issa ma wasalx.

Centeno qal li ssospenda l-Eurogroup u dan mistenni jkompli għada. Qal li l-għan tiegħu jibqa’ dak li jkun hemm xibka ta’ sigurtà b’saħħitha kontra l-COVID-19. Barra hekk, qal li hu kommess għal pjan ta’ rkupru mdaqqas.

Jidher li l-ftehim ma ntleħaqx għax kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-Italja u l-Olanda dwar il-kundizzjonijiet ta’ self fiż-żona ewro. Jidher li hemm qasma kbira bejn in-naħa ta’ fuq u n-naħa t’isfel taż-żona. Filwaqt li l-Italja u Spanja qed jagħmlu sforz biex jiggarantixxu d-dejn b’mod kollettiv fiż-żona ewro f’forma ta’ coronabonds, min-naħa l-oħra din il-proposta li taf iġġib mijiet ta’ biljuni ta’ ewro ġiet miċħuda mill-Ġermanja u mill-Olanda.

Minflok, il-Ġermanja qiegħda tipproponi li testendi l-kreditu lill-aktar pajjiżi milqutin permezz tal-Mekkaniżmu tal-Istabilità Ewropew li sa minn mindu beda kien jitlob riformi ekonomiċi u finanzjarji estensivi.

Il-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż, Olaf Scholz talab lill-pajjiżi taż-Żona Ewro biex ipoġġu d-differenzi fil-ġenb u jaċċettaw ftehim b’kompromess. Jidher li l-Ġermanja, Franza u Spanja kienu qablu ma’ dan il-ftehim iżda l-Italja u l-Olanda ċaħduh.

Ekonomija

Sport