Monday, December 9, 2024

It-tagħlim online fl-ITS suċċess – stħarriġ pożittiv fost l-istudenti

Aqra wkoll

F’konferenza taI-aħbarijiet virtwali, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, ħabbru li stħarriġ riċenti jikkonferma li l-istudenti tal-ITS huma sodisfatti bil-mod kif l-Istitut tratta s-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ lezzjonijiet virtwali.

Mill-istħarriġ fost l-istudenti tal-ITS, instab li 99.1% tal-istudenti qed isegwu lectures online u 85% tal-istudenti huma sodisfatti bil-mod kif is-sitwazzjoni tal-Covid-19 kienet trattata mill-ITS.

L-ITS kien wieħed mill-ewwel istituzzjonijiet edukattivi fil-pajjiż li kompla bil-programm akkademiku tal-istudenti online. Fil-fatt, 88% tal-istudenti qalu li ma kellhom l-ebda diffikultà biex isegwu l-lezzjonijiet u qed jirnexxilhom jaċċessaw il-materjal permezz tal-pjattaformi provduti.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli sostniet li qatt daqs illum ma nirrealizzaw kemm hu importanti t-turiżmu għall-ekonomija tagħna u l-effett li għandu meta jilħaq in-niċeċ tas-soċjetà tagħna. Spjegat li l-gvern qed juża dan il-mument ta’ sfida kollettiva bħala opportunità biex inkomplu nħejju lill-ħaddiema ta’ għada bl-aqwa mod possibbli. Qalet li dan l-istħarriġ ikompli jħeġġiġna nkomplu ntejbu u ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna li sehemhom se jkun kruċjali la noħorġu mis-sitwazzjoni preżenti.

L-ITS ħabbar diversi miżuri li ħa kemm għall-istudenti kurrenti kif ukoll għal dawk prospettivi. Dawn jinkludu miżuri dwar eżamijiet, apprentistat lokali u internazzjonali u moduli prattiċi. Bħalissa hemm 161 modulu li qed jitwasslu permezz ta’ żewġ pjattaformi differenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech qal li dawn il-miżuri qed jittieħdu fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali li affettwat lil kulħadd inklużi l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Wara diskussjonijiet fil-fond fuq numru ta’ ġimgħat, dawn il-miżuri ġew approvati mill-Bord tal-Istudji u l-Bord tal-Validazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi biex ikun aċċertat li l-miżuri li ttieħdu jpoġġu s-saħħa u l-edukazzjoni tal-istudenti l-ewwel.

Iċ-Ċermen tal-ITS Carlo Micallef qal li dan hu perjodu ta’ prova għal dawk kollha li għażlu l-industrija tat-turiżmu bħala l-karriera tagħhom, iżda saħaq li hu fiduċjuż li malli jitbiegħdu l-miżuri ta’ distanza soċjali u l-projbizzjonijiet tal-ivjaġġar, it-turiżmu sejjer jirkupra lura bil-qawwa. Żied li dan se jkun il-mument meta Malta jkollha l-opportunità li tfassal mill-ġdid l-industrija tat-turiżmu futura tagħha u li l-ITS għandu rwol importanti peress li llum, aktar minn qatt qabel, l-industrija se teħtieġ l-aħjar ħaddiema mħarrġa biex tagħti l-aħjar esperjenza possibbli lit-turisti li jfittxu l-kwalità.

Ekonomija

Sport