Wednesday, July 24, 2024

L-UE għandha tindirizza l-immigrazzjoni b’mod ħolistiku

Tinħareġ dikjarazzjoni konġunta mill-mexxejja tal-MED9

Aqra wkoll

Fil-laqgħa li saret f’Malta fejn fiha ltaqgħu l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea tan-Nofsinhar jew kif inhu magħruf aħjar bħala MED9 il-mexxejja ħarġu dikjarazzjoni konġunta dwar għaxar punti li matul il-jum kienu fuq nett tal-aġenda.

Wieħed mill-punti ewlenin kien dak dwar l-immigrazjoni fejn il-mexxejja tal-MED9 qalu li l-Unjoni Ewropea għandha tindirizza l-immigrazzjoni b’mod ħolistiku. Fid-dikjarazzjoni saret enfasi dwar il-ħtieġa għal negozjati dwar il-Patt dwar l-Imigrazzjoni u l-Ażil. Qalu li l-Unjoni Ewropea għanda taħdem aktar malajr minħabba sfidi li dejjem qegħdin jiżdiedu minħabba l-ħafna wasliet ta’ immigranti fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Sejħu biex l-Unjoni Ewropea żżid l-isforzi tagħha biex jitwaqqfu immigranti milli jitilqu minn pajjiżhom, kif ukoll tiżdied ir-rata ta’ persuni li ma jingħatawx refuġju kif ukoll immigranti ġejjin minn pajjżi terzi li m’għandhom l-ebda dritt li jibqgħu fl-Unjoni Ewropea biex jintbgħatu lura f’pajjiżhom u dan dejjem għandu jsir b’rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-liġi internazjonali. Saħqu wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha tindirizza l-problema tal-immigrazzjoni mill-qiegħ tagħha.

Temi oħrajn li ġew diskussi kienu l-gwerra li għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukranja fejn mill-ġdid wrew l-impenn li jappoġġjaw is-sovranittà u l-integrità territorjali tal-Ukranja. Mill-ġdid huma talbu lir-Rusja biex b’mod immedjat titwaqqaf l-operazzjoni militari li qiegħda tagħmel fuq l-Ukranja.

Dwar it-tibdil fil-klima, il-mexxejja qablu li hemm il-bżonn ta’ azzjoni klimatika li din l-azzjoni għandha ssir b’mod urġenti. Għamlu referenza kif fl-aħħar xhur ir-reġjun ġie milqut minn diversi diżastri naturali, esperjenzaw temp estrem u dan kollu minħabba t-tibdil fil-klima.
Qalu li kawża ta’ dan kien hemm persuni li tilfu ħajjithom, ġiet affetwata l-ekonomija, is-soċjetà inġenerali, l-infrastruttura tal-pajjiż u anke s-servizzi tas-saħħa. Saħqu li fi tmiem din is-sena il-pajjiżi tal-Mediterra se jkunu qegħdin jimplimentaw il-commitments biex jiġi protett il-baħar komuni.

Waqt il-laqgħa għolja saret ukoll enfasi dwar il-politika soċjali fejn wieħed itejjeb il-ħiliet tiegħu u anke jibqa’ għaddejja bl-edukazzjoni tul il-ħajja kollha.

F’dan li għandu x’jaqsam mal-ekonomija, il-mexxejja appellaw biex isiru riformi biex ikun hemm tkabbir ekonomiku u jkun hemm is-sostenibbilità fiskali fl-Unjoni Ewropea. Qalu li jaraw il-ħtieġa li jkun hemm reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2021-2027.

Fl-istess laqgħa għolja l-mexxejja tal-MED9 qablu li biex jitbieb is-suq waħdieni għandha titjieb il-konnettività kif ukoll jiġu ndirizzati l-problemi li hemm fit-trasport u anke fil-qasam diġitali.

Indirizzaw ukoll il-kwistjoni tal-enerġija fejn irrikonoxxew il-ftehim li sar mill-Ministru tal-Enerġija tal-MED9 liema ftehim kien intlaħaq f’Mejju ta’ din is-sena waqt laqgħa li kienet saret fil-Belt Valletta.

Il-laqgħa għolja li saret f’pajjiżna serviet biex titnieda l-viżjoni tar-reġjun tal-Mediterran f’diversi setturi kif ukoll ikun hemm qbil dwar aġenda komunika.

Tennew mill-ġdid l-impett tagħhom biex isir pajjiżi bħal Moldova u l-Ukrajna jsiru membri sħaħa tal-Unjoni Ewropew.

Għal l-10 Laqgħa Għolja tal-MED9 attendew il-kapijiet tal-Istat tal-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Portuġall, il-Greċja, Solvenja, l-Italja u Malta filwaqt li Spanja kienet rappreżentata mis-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej. Magħhom ingħaqdu wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u Charles Michel President tal-Kunsill Ewropew.

Ekonomija

Sport