Sunday, October 27, 2024

“L-UE ma tistax tibqa’ tinjora lill-bdiewa u r-raħħala” – Il-Ministru Anton Refalo

Aqra wkoll

“Wasal iż-żmien, iktar minn qatt qabel, fejn nirrikonoxxu li ma jistax ikun li l-bdiewa u r-raħħala tagħna jkomplu jġorru l-piż u l-ispiża tal-bidla lejn protezzjoni aħjar tal-ambjent u l-klima b’mod sproporzjonat u mingħajr is-sostenn kollu li nistgħu ntuhom.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo meta attenda għall-Kunsill tal-Ministri Ewropej fi Brussell, anke fi sfond ta’ protesti mill-bdiewa u raħħala madwar l-Istati Membri kontra direttivi tal-Unjoni Ewropea.

“L-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tinjora l-karba ta’ dawk li l-għajxien tagħhom jaqilgħuh mis-setturi konċernati. Irridu nkunu sensittivi, speċjalment wara dak kollu li ġara madwar id-dinja fl-aħħar erba’ snin, u nifhmu li s-settur agrikolu, bħal kull settur ieħor, għandu l-limitazzjonijiet tiegħu stess sabiex jilħaq bilanċ bejn is-sigurtà tal-ikel u l-għanijiet ambjentali u klimatiċi,” sostna l-Ministru Refalo.

Huwa kompla li l-protesti li għaddejjin bħalissa huma sinjal li jeżisti distakk bejn l-ambizzjonijiet politiċi tal-istituzzjonijiet Ewropej u r-realtajiet li l-bdiewa u r-raħħala jgħixu ta’ kuljum, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet li l-agrikoltura mistennija li tagħmel għall-aġenda ta’ dekarbonizzazzjoni u kompetittività tal-Ewropa.

Il-Ministru Refalo saħaq li l-Gvern Malti dejjem kien u dejjem se jibqa’ ta’ spalla għall-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin u appella kif l-istess għandha tagħmel l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Sostna kif din l-għajnuna anke raha b’għajnejh il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura fi żjara li għamel f’Malta u kkonfermawha l-bdiewa u raħħala Maltin infushom.

Il-Ministru Anton Refalo elenka numru ta’ soluzzjonijiet fosthom li jinstab mezz ta’ kif jista’ jiġi implimentat il-Pjan Strateġiku b’aktar flessibbiltà u li jtejbu l-aċċess għall-fondi Ewropej u jnaqqsu l-burokrazija u l-piż amministrattiv żejjed marbuta ma’ rappurtaġġ dwar l-obbligi fuq il-bdiewa.

Huwa enfasizza li għandu jiġi evitat l-approċċ ta’ ‘one-size-fits-all’ fil-kas ta’ għanijiet u miri, sabiex l-Istati Membri jkollhom l-ispazju sabiex jaddottaw l-iktar strateġiji u metodi vijabbli. Enfasizza wkoll il-bżonn li f’liġijiet ġodda jiġi meqjus ukoll l-impatt ekonomiku u soċjali fuq il-produtturi u fuq is-sigurtà tal-provvista tal-ikel tagħna. Tenna li b’hekk jassiguraw illi l-bdiewa jkunu salvagwardjati minn impatti addizzjonali u possibbilment inġusti.

“Il-bdiewa u r-raħħala għandhom rwol strateġiku għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni Ewropea u għall-protezzjoni tal-ambjent rurali. Għaldaqstant għandna nisimgħu u nikkunsidraw il-weġgħat u l-messaġġ tagħhom sabiex nagħmlu l-bidliet meħtieġa mill-aktar fis possibbli u jkollna politika Ewropea li tappella għalihom u nagħtuhom is-sostenn kollu li jixirqilhom. B’hekk inkunu qed nimmotivawhom ukoll biex iwettqu r-riformi tant meħtieġa kif ukoll biex jiġġeddu minn ġenerazzjoni għall-oħra,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Sport