Thursday, December 26, 2024

L-UE tibqa’ tħares filwaqt li stati membri jużaw il-pandemija biex ikabbru l-poter

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Minkejja li l-Unjoni Ewropea kkritikat lill-gvernijiet tal-Polonja u tal-Ungerija minħabba li aktar ma jgħaddi ż-żmien qed isiru awtokratiċi, xorta ma ħadet ebda passi kontrihom fil-waqt li dawn qed jużaw il-pandemija tal-Coronavirus biex ikabbru l-poter tagħhom u jikkastigaw lil dawk li huma kontrihom politikament.  

The New York Times qiegħda tirrapporta li filwaqt li l-grupp Ewropew poġġa għad-dispożizzjoni aktar għajnuniet f’din l-emerġenza, ma tax kas li ċerta pajjiżi huma milqutin aktar minn oħrajn, fosthom Spanja u l-Italja. 

Jiġi rrapportat li l-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban qed juża aktar il-poteri tiegħu biex iċaħħad lis-sindki fl-Oppożizzjoni minn irċevuti kbar ta’ taxxi. Min-naħa l-oħra, il-Polonja mistennija tibqa’ għaddejja bl-elezzjonijiet presidenzjali, fejn qiegħda titlob li l-votazzjoni ssir bil-posta, minkejja li l-unjin tal-posta qalet li din impossibbli li ssir. 

Minkejja li l-Parlament Ewropew sejjaħ dawn l-azzjonijiet bħala inkompatibbli mal-valuri Ewropej, xorta ma ttieħdet ebda azzjoni u għalhekk qed iqumu ħafna mistoqsijiet għaliex. 

Barra minn hekk, jidher li l-Ungerija u l-Polonja, li għandhom popolazzjoni ta’ 48 miljun u inqas minn 700 każ ta’ mewt bil-COVID-19 irċevew €13-il biljun f’għajnuniet. Min-naħa l-oħra, l-Italja u Spanja, li għandhom popolazzjoni ta’ aktar minn 107 miljun persuna u aktar minn 46,000 mewt, irċevew biss in-nofs. 

L-Unjoni Ewropea poġġiet għad-dispożizzjoni €37 biljun biex tgħin lill-aktar stati membri foqra u lill-aktar membri ġodda biex jiġġieldu l-COVID-19. Minkejja li l-Ungerija u l-Polonja huma inqas affettwati mill-Italja u Spanja, spiċċaw ħadu ħafna iżjed flus u l-Unjoni Ewropea għalqet ħalqha dwar dan in-nuqqas li għamlet fl-allokazzjoni tal-fondi. Dan qed iwassal biex bosta jaħsbu li dawn il-gvernijiet qed ikollhom is-saħħa fuq l-Unjoni Ewropea. 

Ekonomija

Sport