Monday, December 23, 2024

L-UE tindika li mhux se tiftaħ il-bibien bħal kriżi tar-refuġjati fis-sena 2015

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif fl-aħħar jiem sigħat, aktar persuni komplew bit-tentattivi tagħhom li jaħarbu mill-Afganistan, kollox qed jindika  li sa issa l-Unjoni Ewropea se żżomm il-bibien magħluqin.  Jidher li sa issa m’hemm ebda tama li jiġri dak li kien ġara fil-kriżi tar-refuġjati Sirjani fis-sena 2015, fejn dawn kienu daħlu b’ammont kbar fit-Turkija u mbagħad kien sar ftehim biex jibdew jiġu imqassmin madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li “sa issa jidher li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea hi dik li -refuġjati mill-Afganistan, jiġu aċċettati f’pajjiżi ġirien tal-Afganistan.  Għandek pajjiżi importanti fl-Unjoni Ewropea li fiż-żmien li ġej se jkunu qed jgħaddu minn elezzjonijiet ġenerali u m’hemmx dubju li aktar refuġjati f’pajjiżhom jarawhom bħala li se jtellfulhom mill-popolarità. Biss imbagħad għandek il-kurrent l-ieħor, dak li refuġjati Afgani u organizazzjonijiet umanitarji se jibdew jagħmlu aktar pressjoni biex l-Unjoni Ewropea toħloq kurituri umani. X’se tkun il-pożizzjoni fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin wieħed irid jara. Li hu żgur hu li għadd ta’ pajjiżi Ewropej, mhumiex lesti li jdaħħlu aktar refuġjati u dan anke biex dan ma jintiużax bħala vantaġġ għal partiti tal-lemin estrem biex iżidu fiL-popolarità tagħhom”, sostna l-istess sors.

L-istess sors qalilna li “llum fl-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet qed jitkellem kważi b’ċertezza li mhux se tkun ripetuta s-sitwazzjoni tar-refuġjati Sirjani tas-sena 2015, meta l-Unjoni Ewropea  imbuttata b’mod qawwi mill-Ġermanja kienet iddeċidiet li tilqa’ dawn l-immigranti. Filfatt dakinhar il-Ġermanja kienet fetħet il-bibien tagħha għal dan”.

L-istess sors qalilna li “wieħed jiftakar kif id-dikjarazzjonijiet li kienet għamlet il-Kanċillier Angela Merkel kienu intlaqgħu b’mod pożittiv ħafna minn barra l-pajjiż meta ddeċidiet li tilqa’ ir-refuġjati Sirjani, għalkemm internament tilfet mill-popolarità. Issa għandek sitwazzjoni fejn Mekel se tkun qed twarrab fi ftit jiem oħra warra l-elezzjoni federali. Ma tantx jidher li hemm ċans li l-Ġermanja tieħu l-pożizzjoni li kienet ħadet fis-sena 2015, għax illum anke l-argument Ġermaniż fl-Unjoni Ewropea u fil-laqgħa interni li qed isiru, hu dak li r-refuġjati Afgani għandhom jinżammu f’pajjiżi ġirien”.

Hemm pajjiżi oħra bħal Franza li ukoll mhux lesti jiftħu l-bibien tagħhom, tant li l-President stess Franċiż Emanuel Macro fil-bidu ta’ din il-kriżi qal li l-Unjoni Ewropea trid tipproteġi ruħha. Pajjiż bħalL-Ungerija li hu magħruf għal pożizzjoni radikali u iebsa kontra l-immigranti ukoll għamilha ċara li mhux se tilqa’ refuġjati Afgani.”

L-istess sors qalilna “jekk tara l-Awstrija, dawn ipproponew li jkun hemm ċentri ta’ deportazzjoni u kienet wieħed minn diversi pajjiżi Ewropej li wissew li deportazzjonijiet ta’ Afgani minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea m’għandhomx jitwaqqfu.”

Minn naħa tagħha il-Greċja li fis-sena 2015 kienet spiċċat b’għadd kbir ta’ refuġjati Sirjani, żiedu l-attenzjoni tagħhom u s-sorveljanza fuq il-fruntieri.

L-Aġenzija għas-Sigurtà fil-Fruntieri Ewropej (FRONTEX) ukoll qed iżżid is-sorveljanza permezz ta’ mezzi teknoloġiċi. 

Pajjiż bħat-Turkija, li fis-sena 2015 kienu daħlu għandhom ħafna refuġjati Sirjani, qegħdin jagħmlu ċara li mhux se jkunu qed jilqgħu refuġjati Afgani u anke qed isaħħu s-sorveljanza mal-fruntiera mal-Iran. Dan hekk kif l-Iran qed jinkoraġixxi lil madwar 800,000 refuġjat Afgan biex imoru lura lejn pajjiżhom. Il-President Tork Tayyip Erdogan, wissa lill-Istati Ewropej  biex jieħdu responsabbilità ta’ refuġjati li jkunu ġejjin mill-Afganistan. 

Mistennija għajnuna finanzjarja

Ewropea biex  ir-refuġjati jinżammu f’pajjiżi qrib

L-istess sors qalilna li “kollox qed jindika li biex l-Unjoni Ewropea ma tesperjenzax kriżi ta’ refuġjati bħal dik tas-sena 2015, il-ħsieb hu li jkun hemm għajnuna finanzjarja u umanitarja lil pajjiżi qrib biex dawn iżommu għandhom refuġjati Afgani.” L-istess sors spjegalna li dan ifisser li l-indikazzjonijiet huma li għandhom ikunu l-Pakistan,  it-Tajikistan u l-Iran li jilqgħu lir-refuġjati Afgani.

Is-sorsi li tkellmu ma’ L-ORIZZONT qalulna li  “għalkemm qed jingħad dan is-sitwazzjoni mhix daqshekk faċli għall-Unjoni Ewropea. Dan għax din id-darba l-Unjoni Ewropea għandha obbligu morali u responsabbilita aktar minn fi gwerer oħra. Dan minħabba li mal-militar tal-Istati Uniti kien. hemm in-NATO li kienu ukoll involuti fuq l-intervent militar fl-Afganistan.  L-Unjoni Ewropea ilha fl-Afganistan 20 sena. Għalhekk għandha responsabbilità morali, l-aktar għal dawk il-persuni li qed jaħarbu mit-Taliban wara li ħadmu mal-forzi militari Ewropej u tal-Istati Uniti. L-Unjoni Ewropea għalkemm issa qed tipprova tagħti l-impressjoni li qisu l-problema tal-Afganistan mhux problema Ewropea, dan l-argument ma’ tantx tista’ ssostnieh. Sitwazzjoni simili għandha ukoll l-Istati Uniti.”

Ekonomija

Sport