Monday, May 13, 2024

L-UE tissospendi l-koperazzjoni tas-sigurtà man-Niġer… wara l-kolp ta’ stat militari fil-pajjiż

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea ssospendiet il-koperazzjoni kollha tas-sigurtà man-Niġer wara li l-armata tal-pajjiż ħadet il-poter b’kolp ta’ stat.

Dan qed iseħħ ftit wara l il-Istati Uniti ddikjaraw “l-appoġġ bla waqfien” tagħha għall-president imkeċċi Mohamed Bazoum – meqjus bħala alleat ewlieni tal-punent fil-ġlieda kontra l-militanti Iżlamiċi.

Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-kap tat-taqsima tal-gwardji presidenzjali, il-Ġeneral Abdourahmane Tchiani ddikjara lilu nnifsu bħala l-mexxej il-ġdid tan-Niġer. Huwa qal li n-nuqqas ta’ sigurtà, il-gwaj ekonomiku u l-korruzzjoni wassluh biex jikseb il-poter.
Iżda issa hemm tħassib fil-Punent dwar liema pajjiżi se jallinja magħhom il-mexxej il-ġdid.

Il-Ġeneral Tchiani ta’ 62 sena, ilu responsabbli mill-gwardja presidenzjali mill-2011 u ġie promoss għall-grad ta’ Ġeneral fl-2018 mill-eks President Issoufou.

Huwa kien ukoll assoċjat ma’ attentat ta’ kolp ta’ stat ieħor tal-2015 kontra l-eks president, iżda deher fil-Qorti biex jiċħad dawn l-akkużi.

Huwa indirizza wkoll lill-alleati globali tan-Niġer u qal li l-ġunta tirrispetta l-impenji internazzjonali kollha tal-pajjiż kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem.

Sadanittant, il-Kap tal-Politika Barranija tal-UE Josep Borrell ingħaqad mal-Istati Uniti u Franza li rrifjutaw milli jirrikonoxxu lill-mexxejja li wettqu dan il-kolp ta’ stat u qal li l-koperazzjoni tas-sigurtà u l-għajnuna baġitarja qed jiġu sospiżi għal żmien indefinit.

Sport