Saturday, December 21, 2024

“L-UE trid tagħmel tajjeb għad-dewmien li ħadet biex tirrispondi għall-imxija tal-coronavirus” – L-MPE Miriam Dalli

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli, stqarret li l-Unjoni Ewropea “trid tagħmel tajjeb għad-dewmien li ħadet biex tirrispondi għall-imxija tal-coronavirus u biex issa tgħin lill-pajjiżi, inkluż Malta.” Kompliet tgħid li hi ħadet din il-pożizzjoni f’kull laqgħa u dibattitu li kellha fil-Parlament Ewropew. “Anke matul din il-ġimgħa stess, hekk kif għat-tieni darba tlaqqa’ l-Parlament Ewropew b’mod virtwali.”

L-MPE Dalli qalet li sfortunatment, “fl-ewwel ġimgħat minn meta faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus fl-Ewropa, il-pajjiżi differenti bdew jaqdfu għal rashom minflok jgħinu lil xulxin.” Minkejja dan wara ftit ġimgħat kull pajjiż irrealizza li dan kienx l-aħjar metodu biex tintrebaħ din il-battalja ma’ avversarju silenzjuż imma qerriedi.

Matul l-aħħar laqgħat tal-Parlament Ewropew, Dalli spjegat kif l-MPEs kollha kellhom “jumejn ta’ voti, fejn fost oħrajn ivvutajna biex aktar minn €3 biljun imorru favur miżuri li għandhom isaħħu s-settur tas-saħħa Ewropew. Fost oħrajn, dawn il-flus għandhom jgħinu wkoll biex il-pajjiżi ma jinqabdux mingħajr tagħmir protettiv u mingħajr tagħmir mediku.” Żiedet tgħid li dawn il-fonsi se jintużaw ukoll biex il-pajjiżi jiffinanzjaw titjiriet ta’ ripatrizzjoni, bħalma qed tagħmel Malta biex tgħin lill-Maltin jiġu lura. 

Hija enfasizzat fuq il-punt kardinali li l-ebda pajjiż mgħandu jitħalla jaqa’ lura. “Din kienet waħda mill-prinċipji li ggwidat ix-xogħol li għamilna fit-task force tas-Soċjal Demokratiċi. Għall-pajjiż żgħir bħal Malta, ix-xiri konġunt ta’ tagħmir mediku u protettiv huwa importantissimu. Qed ninsisti wkoll li dan għandu japplika għat-tilqima tal-COVID19, meta din issir disponibbli.” L-MPE qalet li dan hi se tkun qed tagħmlu biex pajjiżi kbar ma jaqdfux weħidhom u jkollhom vantaġġ fuq pajjiżi iżgħar.

Ma naqasx li l-MPE ssemmi s-Suq Intern. Suq li huwa wkoll milqut minn din il-pandemija, minħabba r-restrizzjonijiet li ġew imposti minn pajjiżi differenti. “Għalhekk, li fil-Parlament Ewropew qed ninsistu biex jibqgħu miftuħa rotot biex prodotti essenzjali bħal mediċina, tagħmir protettiv, ikel u affarijiet essenzjali oħra jaslu f’kull rokna tal-Unjoni Ewropea.”

Fid-dawl tal-kriżi li għaddejja bħalissa f’nofs il-baħar Mediterranju, l-MPE Maltija Miriam Dalli qalet li hi se tkun qed tara li tinstab soluzzjoni malajr. Hija kkonkludiet tgħid li “Malta dejjem imxiet mal-obbligi internazzjonali tagħha u l-Forzi Armati ta’ Malta għadhom sal-llum jikkordinaw salvataġġ. L-istqarrijiet u l-voti tiegħi dejjem irriflettew dan il-fatt u rridu noqgħodu attenti minn min jagħti impressjoni oħra.” 

Ekonomija

Sport