Wednesday, November 20, 2024

“L-Ukrajna ħadet lura 6,000km kwadru minn idejn ir-Russi”

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-forzi Ukreni ħadu iktar territorju minn idejn is-suldati Russi hekk kif kompliet il-kontroffensiva Ukrena.

Zelensky qal li matul dan ix-xahar, l-Ukreni ħadu iktar minn 6,000 kilometru kwadru ta’ territorju minn idejn ir-Russi – dan fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ukrajna.  Min-naħa tagħha r-Russja ammettiet li tilfet żoni strateġiċi fil-Grigal tar-reġjun ta’ Kharkiv, avveniment li qiegħed ikun meqjus minn bosta bħala wieħed sinjifikanti ħafna f’din il-gwerra. 

Ir-Russja qalet li l-irtirar tat-truppi fir-reġjun ta’ Kharkiv kien wieħed strateġiku hekk kif l-offensiva se tkun qiegħda tiffoka fuq ir-reġjuni ta’ Luhanks u Donetsk li jinsabu fil-Lvant tal-Ukrajna. Iżda kienu bosta dawk – anke minn ġewwa r-Russja stess – li rredikolaw din l-istqarrija u saħansitra qalu li l-irtirar tat-truppi li kien hemm fl-aħħar sigħat kien “tal-mistħija”.

Fid-dawl ta’ dan kollu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken qal li l-forzi Ukreni għamlu “progress sinjifikanti” fil-kontroffensiva, iżda tenna li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid x’se jkun ir-riżultat ta’ dan. Blinken qal li r-Russja għandha numru kbir ta’ suldati fl-Ukrajna kif ukoll ammont sostanzjali ta’ apparat, armi u munizzjon. Huwa allega li s-suldati Russi qed ikomplu jużaw dawn l-armi mhux biss kontra l-forzi armati tal-Ukrajna, iżda wkoll kontra nies u infrastruttura ċivili.

F’filmat li għamel il-President Zelensky fl-aħħar sigħat huwa qal, “mill-bidu ta’ Settembru sal-lum, il-ġellieda tagħna diġà illiberaw iktar minn 6,000 kilometru kwadru ta’ territorju fl-Ukrajna – fil-Lvant u n-Nofsinhar.” Huwa tenna li, “il-movimenti tat-truppi tagħna se jkomplu.” Din il-kontroffensiva Ukrena jidher li hija waħda li qed timxi b’ritmu mgħaġġel ħafna tant li l-Ħamis li għadda l-President Zelensky qal li l-forzi Ukreni kienu rebħu 1,000 kilometru kwadru filwaqt li mbagħad il-Ħadd qal li ntrebħu 3,000 kilometru kwadru u issa 6,000. 

Zelensky ma żvelax liema huma dawk il-bliet u rħula li ġew illiberati, iżda rringrazza lis-suldati tal-offensiva tagħhom u ddeskriviehom bħala “eroj ta’ vera”.

Iktar kmieni l-militar Russu kien ammetta li t-truppi tiegħu kellhom jitil­qu mill-bliet ta’ Balakliya, Izyum u Kupiansk ġewwa r-reġjun ta’ Kharkiv, u b’hekk issa r-Russja qegħda tikkontrolla biss parti żgħira minn dan ir-reġjun fil-Lvant tal-pajjiż. 

Sport