Sunday, November 24, 2024

L-Ukrajna lesta għal paċi jekk ir-Russi jirtiraw mit-territorju okkupat

Aqra wkoll

L-Ukrajna ddikjarat li hija lesta li jkollu taħditiet ta’ paċi mar-Russja mmedjatament kemm-il darba Moska tirtira l-forzi tagħha mit-territorju kollu okkupat tal-Ukrajna. Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky għamel din id-dikjarazzjoni fl-għeluq tas-summit ta’ jumejn għal paċi li sar fl-Iżvizzera.

Iżda fid-diskors tiegħu, Zelensky qal li l-President Russu Vladimir Putin m’għandux ir-rieda li jtemm il-gwerra u għalhekk kellu jitwaqqaf b’kull mod possibbli, sew jekk b’mezzi militari jew diplomatiċi.

Fid-dokument finali il-pajjiżi parteċipanti tefgħu l-ħtija għat-tbatija u l-qerda mifruxa tal-gwerra b’mod qawwi u sod fuq ir-Russja. Madankollu, diversi pajjiżi li attendew fosthom l-Indja, l-Afrika t’Isfel u l-Għarabja Sawdija ma ffirmawhx.

Is-summit kellu l-għan li joħloq l-aktar appoġġ wiesa’ possibbli għal proċess li jista’ jgħin biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna. Aktar minn 90 pajjiż u organizzazzjoni internazzjonali attendew għas-summit li ntemm b’għexieren ta’ pajjiżi jimpenjaw ruħhom għall-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Ir-Russja ma ġietx mistiedna, u l-akbar sostenitur tagħha ċ-Ċna ma kinitx preżenti. Dan wassal biex xi wħud jitfgħu dubju dwar l-effettività tas-summit.

Xi wħud minn dawk miġbura għas-summit fir-resort Żvizzeru ta’ Bürgenstock ma kinux l-eqreb partitarji tal-Ukrajna, fosthom l-Arabja Sawdija, li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tagħha wissa li l-Ukrajna se jkollha tagħmel kompromessi diffiċli, u l-Kenja, li tkellmet kontra s-sanzjonijiet riċenti fuq ir-Russja.

Id-dokument finali jitlob li l-kontroll fuq l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia, li bħalissa huwa okkupat mir-Russja, jiġi restawrat lura lill-Ukrajna. Apparti dan, id-dokument jappella wkoll għall-iskambju tal-priġunieri kollha u r-ritorn tat-tfal Ukreni maħtufa mir-Russja.

Waqt li tkellem mal-ġurnalisti wara s-summit, Zelensky rringrazzja lill-mexxejja dinjin li attendew u qal li kien grat lejhom talli rrifjutaw il-pressjoni li saritilhom mir-Russja biex jibqgħu ‘l bogħod.

Aktar qabel, il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte qal lill-ġurnalisti illi dawk il-pajjiżi li attendew kienu magħqudin fit-tfittxija tagħhom għall-paċi fl-Ukrajna.

Kien mistenni li d-delegazzjonijiet kollha japprovaw dikjarazzjoni finali li tikkundanna l-invażjoni tar-Russja, iżda l-Kanċillier Awstrijak Karl Nehammer qal lill-ġurnalisti nhar il-Ħadd li d-dikjarazzjoni mhux se tkun appoġġjata unanimament.

Ir-riżultati tas-summit Żvizzeru se jkunu kkomunikati lir-Russja sabiex fit-tieni summit għall-paċi jkunu jistgħu jsiru arranġamenti għat-tmiem reali tal-gwerra.

Ir-Russja, min-naħa tagħha iddeskriviet l-avveniment Żvizzeru bħala ħela ta’ ħin, u nhar il-Ġmgħa l-President Vladimir Putin qal li jaqbel ma’ waqfien mill-ġlied jekk l-Ukrajna tirtira t-truppi minn erba’ reġjuni li r-Russja tokkupa parzjalment u tgħid li annesset.

Iżda l-mexxejja tal-Punent li attendew is-summit irrifjutaw bil-qawwa l-proposta ta’ Putin fosthom il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni li ddeskriviet il-proposts bħala “propaganda” u l-Prim Ministru tar-Renju Unit Rishi Sunak akkuża lil Putin li “dawwar narrattiva finta dwar ir-rieda tiegħu li jinnegozja”.

Nhar il-Ħadd il-kelliem għall-Kremlin Dmitry Peskov qal li l-mexxej Russu ma eskludix taħditiet mal-Ukrajna, iżda żied li se jkunu meħtieġa garanziji biex tiġi żgurata l-kredibilità tagħhom, u li Zelensky ma jkunx parteċipant.

Sport