Familji Ukreni b’kenn f’Malta jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom tal-gwerra
Familji Ukreni li ngħataw kenn f’Malta wara li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-qilla tal-gwerra, tkellmu ma’ Talk.mt u rrakkontaw l-esperjenzi li għaddew minnhom mill-ewwel attakki Russi fuq l-Ukrajna.
Huma fissru l-gwerra bħala “esperjenza orribbli” li sfurzathom jitilqu minn pajjiżhom u jfittxu kenn f’pajjiż ieħor. Minkejja l-bumbardamenti u t-tifrik li ħallew bosta bliet ma jintgħarfux minn kif kienu qabel, huma qalu li għadhom u se jibqgħu jħobbu lil pajjiżhom u jittamaw li jasal dak il-mument meta jerġgħu lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Fil-frattemp, dawn il-familji Ukreni rringrazzjaw lil Malta tal-ospitalità kbira tagħhom u tal-għajnuna kollha li qed jingħataw minn mindu rifsu fuq din l-art. Dawn l-istess familji qed joqogħdu f’binja fil-Kalkara li qabel kienet uffiċini tal-Kenup u l-EDU, li ġiet konvertita f’faċilitajiet residenzjali mgħammra bil-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum.
L-impjegati li kienu jaħdmu f’dawn l-uffiċini ftit ġimgħat ilu ġew mitluba biex jaħdmu mid-dar u minflok l-iskrivaniji u s-siġġijiet tpoġġew sodod, gwardarobbi, u affarijiet oħra ta’ bżonn biex tinħoloq atmosfera ta’ “dar ‘il bogħod mid-dar” għal dawn il-familji.
Il-familji se jitħallew joqogħdu sakemm ikun hemm bżonn u mhux se jħallsu għall-akkomodazzjoni u għas-servizzi li qed jiġi provduti lilhom, inkluż inkliet regolari mill-EsploraCafé u għajnuna medika fost oħrajn.
L-Orizzont kellu l-opportunità li jitkellem ma’ tlieta mill-familji li qed jgħixu f’din ir-residenza dwar l-esperjenzi tagħhom kemm f’pajjiżhom kif ukoll f’Malta. Denys Bakhamtskyi, ġuvni ta’ 16-il sena li tkellem f’isem it-tliet familji, qalilna li huma minn Kiev u waslu f’pajjiżna f’Marzu li għadda.
Huwa qal li s-sitwazzjoni fi Kiev bħalissa hi mhix daqshekk ħażina iżda meta faqqgħet il-gwerra bdew jisimgħu l-bumbardamenti, kien hemm il-preżenza tas-suldati mill-armata Russa u kulħadd kien imbeżża’.
“Kienet diffiċli ħafna li tlaqna mill-pajjiż. Iżda kulħadd ħass li kellu jitlaq minħabba l-gwerra. Il-gwerra hija orribbli. Ma kinitx l-isbaħ esperjenza ta’ ħajjitna,” qal Bakhamstkyi.
Mistoqsi dwar liema kienet l-aktar esperjenza li tibqa’ mnaqqxa f’moħħu minn din l-esperjenza kollha, huwa qalilna: “l-ewwel ġurnata. Kienu xis-6.00 a.m. xħin ċempilli ħabib tiegħi u qalli li bdiet il-gwerra. Għedtlu x’inhi? Imbagħad bdejna naraw l-aħbarijiet u fhimna aħjar dak li kien qed jiġri.”
Huwa qal li bħala familja kienu vvjaġġaw minn Kiev għal Lviv. Missieru mbagħad kien saqhom lejn il-Polonja, b’dan tal-aħħar jibqa’ l-Ukrajna biex ikompli jiġġieled għal pajjiżu. Eventwalment, dawn il-familji ġew Malta mill-Ajruport ta’ Varsavja permezz ta’ titjiriet b’xejn.
It-titjiriet ġew organizzati permezz tal-appoġġ tal-Kaptan Charles Pace u impjegati oħra ta’ Transport Malta. Il-familji ġew milqugħa l-ajruport u ttieħdu f’akkomodazzjoni li ġiet provduta minn DB group, fejn hemm qagħdu kwarantina.
“Konna kuntenti ħafna meta wasalna Malta. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Gvern Malti, lil Kenup, liċ-Ċermen tal-MCST Jeffrey Pullicino Orlando u lil dawk kollha li għenuna. Ma nafux x’kien se jiġri minnha li kienu ma ġejniex hawn. Grazzi ħafna,” qal Bakhamtskyi.
Huwa kompla jgħid li: “għad għandna familjari fl-Ukrajna imma għall-grazzja t’Alla kulħadd jinsab qawwi u sħiħ. Qed inżommu kuntatt magħhom il-ħin kollu u anke ma’ sħabna.”
Mistoqsi jekk jaħsbux li jerġgħu lura lejn pajjiżhom ġaladarba s-sitwazzjoni titjieb, huwa qal li jixtiequ jagħmlu dan għax Kiev iħobbuha wisq iżda kienet għaqlija d-deċiżjoni li għamlu li jitilqu minn pajjiżhom f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ gwerra.
“Kulħadd irid jirrealizza li l-gwerra hija orribbli. L-appell tagħna huwa biex dawk kollha li jistgħu jgħinu lill-Ukrajna, jagħmlu dan. Slava Ukraini! (Glorja lill-Ukrajna!),” temm jgħid il-ġuvni.