Wednesday, December 25, 2024

L-Ukrajna tiftaħ kawża fil-WTO kontra tliet pajjiżi ġirien

Aqra wkoll

Filwaqt li għal dawn l-aħħar sena u nofs ilha għaddejja b’battalja qalila kontra l-invażjoni Russa, l-Ukrajna issa ressqet kawżi quddiem l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) kontra s-Slovakkja, il-Polonja u l-Ungerija dwar il-projbizzjonijiet tagħhom fuq l-importazzjoni ta’ ikel minn Kyiv.

L-Ukrajna qed tgħid li restrizzjonijiet bħal dawn huma ksur tal-obbligi internazzjonali mit-tliet pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ġirien tal-Ukrajna.
Mill-banda l-oħra, is-Slovakkja, il-Polonja u l-Ungerija qed isostnu li l-projbizzjonijiet huma meħtieġa biex jipproteġu lill-bdiewa tagħhom minn importazzjonijiet irħas.

L-invażjoni sħiħa tar-Russja fl-Ukrajna, is-sena l-oħra għalqet il-passaġġi ewlenin tat-tbaħħir tal-Baħar l-Iswed u ġiegħlet lill-Ukrajna tfittex rotot alternattivi fuq l-art. Dan wassal biex kwantitajiet kbar ta’ qamħ spiċċaw fl-Ewropa ċentrali.
Minn dak iż-żmien ‘l hawn il-bdiewa fit-tliet pajjiżi msemmija organizzaw manifestazzjonijiet ta’ protesta u qalu li t-trasportazzjoni tal-qamħ mill-Ukrajna kienu qed inaqqsuhom u jiddisturbaw is-swieq lokali.

Il-pressjoni wasslet lill-blokk ta’ 27 membru tal-Unjoni Ewropea biex jaqbel aktar kmieni din is-sena mar-restrizzjonijiet kummerċjali fuq l-importazzjonijiet tal-Ukrajna lejn l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja, kif ukoll il-Bulgarija u r-Rumanija sal-15 ta’ Settembru.

Madankollu, fil-jum tal-iskadenza, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ma testendix il-projbizzjoni. Iżda l-gvernijiet f’Budapest, Varsavja u Bratislava sfidaw il-mossa tal-Kummissjoni Ewropea u ħabbru restrizzjonijiet huma stess.

Fi stqarrija nhar it-Tnejn, il-Ministru tal-Ekonomija tal-Ukrajna, Yulia Svyrydenko, qalet li huwa kruċjali għal pajjiżha li stati membri tal-UE individwali ma jipprojbixxux l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli Ukreni. Sostiet ukoll li huwa propju għalhekk li l-UKrajna ppreżentat kawżi kontra s-Slovakkja, il-Polonja u l-Ungerija lill-WTO.

Yulia Svyrydenko żiedet li l-esportaturi Ukreni kienu diġà sofrew u qed ikomplu jsofru telf sinjifikanti minħabba l-projbizzjonijiet unilaterali.

Il-Polonja, filwaqt li sostniet li lment quddiem id-WTO ma jimpressjonax, qalet li l-projbizzjoni tagħha hija korretta u tirriżulta minn analiżi ekonomika u setgħat li joħorġu mil-liġi tal-UE u internazzjonali.

Il-Kummissjoni Ewropea, il-Korp Eżekuttiv tal-UE, ripetutament iddikjarat li l-membri individwali tal-UE ma jistgħux jagħmlu politika kummerċjali għall-blokk kollu u għaldaqstant il-Polonja, l-Ungerija u s-Slovakkja għandhom iħallu l-qamħ mill-Ukrajna jgħaddi minn pajjiżhom lejn swieq oħra.

Sadanittant, il-Polonja u s-Slovakkja huma l-alleati ewlenin tal-Ukrajna fil-ġlieda tagħha kontra l-invażjoni tar-Russja, iżda l-projbizzjoni tal-importazzjonijiet tal-qamħ ikkawżat xi ftit tat-tensjoni bejniethom.

L-Ukrajna hija waħda mill-akbar fornituri fid-dinja ta’ wċuħ tar-raba’ bħal żejt tal-ġirasol, qamħ, xgħir u qamħirrum.

Mill-invażjoni sħiħa tar-Russja fi Frar 2022, u l-imblokk tal-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna, inqabdu madwar 20 miljun tunnellata qamħ maħsub għall-esportazzjoni. Dan wassal biex il-prezzijiet globali tal-ikel jogħlew u theddida li joħloq nuqqasijiet ta’ prodotti tal-ikel fil-Lvant Nofsani u l-Afrika.

F’Lulju tas-sena l-oħra kien intlaħaq ftehim bejn ir-Russja u l-Ukrajna biex bastimenti tal-merkanzija jbaħħru tul kuritur fil-Baħar l-Iswed lejn portijiet Ukreni. Kważi 33 miljun tunnellata ta’ qamħ ġew esportati mill-Ukrajna taħt il-ftehim, u l-prezzijiet dinjija tal-ikel naqsu b’madwar 20% bħala riżultat, skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.

Madankollu, ir-Russja ħarġet mill-ftehim f’Lulju li għadda u l-prezzijiet globali tal-qamħ reġgħu bdew jiżdiedu.

Ekonomija

Sport