L-Ukrajna se tissospendi t-tranżitu tal-gass naturali li jwassal kważi terz tal-fjuwil bil-pajpijiet mir-Russja lejn l-Ewropa permezz tal-Ukrajna. L-Ukrajna qed tagħti tort lir-Russja għal din il-mossa, u sostniet li se tmexxi l-‘flows’ tal-fjuwil xi mkien ieħor.
Minkejja l-invażjoni Russa fl-24 ta’ Frar li għadda, l-Ukrajna baqgħet rotta ta’ tranżitu ewlenija għall-gass Russu lejn l-Ewropa. Madankollu, truppi Russi ilhom jieħdu l-gass li jgħaddi mill-Ukrajna u jibagħtuh f’żoni separati appoġġjati mir-Russi fir-reġjun ta’ Donbas tal-Lvant tal-pajjiż, qal il-kap tal-operatur tan-network tal-gass tal-Ukrajna, GTSOU, lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters mingħajr ma pprovda evidenza għal dan.
GTSOU qalet li se twaqqaf il-vjaġġi immedjatament permezz tar-rotta Sokhranivka. Dan wara li ġiet iddikjarata l-hekk imsejħa force majeure, klawżola invokata meta negozju jiġi affettwat minn xi ħaġa li hija lil hinn mill-kontroll tiegħu.
Il-kumpanija ġgant tal-enerġija tal-istat tar-Russja, Gazprom, qalet li ġiet mgħarrfa mill-Ukrajna li se twaqqaf it-tranżitu tal-gass lejn l-Ewropa permezz tal-interkonnettur Sokhranivka mill-bieraħ (l-Erbgħa).
Madankollu, Gazprom, li għandha monopolju fuq l-esportazzjonijiet tal-gass Russu permezz ta’ pipeline, tgħid li teknoloġikament huwa impossibbli li ċċaqlaq il-volumi kollha lejn il-Punent, kif ippropona GTSOU. Gazprom żiedet tgħid li kienet qed tissodisfa l-obbligi kollha tagħha lejn ix-xerrejja tal-gass fl-Ewropa.
Sadanittant, l-Istati Uniti sejħet lill-pajjiżi biex irażżnu d-dipendenza tagħhom fuq l-enerġija Russa u pprojbixxiet iż-żejt Russu u importazzjonijiet ta’ enerġija oħra bħala ritaljazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna.