Saturday, December 21, 2024

L-UMANITÀ GĦANDHA TINŻAMM FIĊ-ĊENTRU

Aqra wkoll

Is-sena 2023 kienet bla dubju ta’ xejn sena ta’ kunflitti.  Il-gwerra fl-Ukrajna u fl-aħħar tlett bil-gwerra f’Gaża ikkaratterizzaw is-sena 2023.  Dan apparti kunflitti oħra f’żoni oħra madwar id-dinja.  Is-sena 2024 ma jidhirx li se tkun differenti. Apparti l-kunflitt fl-Ukrajna u Gaża, hemm żoni oħra b’kunflitt u li dan mistenni jkompli fis-sena 2024. Hemm il-kunflitt fis-Sudan u fin-nofsinhar tas-Sudan, fil-Burkina Faso, Myanmar, il-Mali, is-Somalja, in-Niger, il-Mali u l-Etjopja. Ma’ dawn hemm il-kunflitt fir-Repubblika.tal-Congo. Kunflitti li fihom qegħdin imutu persuni innocenti.

Matul din-sena rajna xhur li fihom l-inflazzjoni kienet għadha qawwija. Inflazzjoni li żiedet l-inugwaljanzi. Fejn dawk fil-qiegħ jew fin-naħa t’isfel komplew neżlin l-isfel. Dan waqt li kumpaniji kbar u korporazzjonijiet quddiem l-inflazzjoni li kienet qed taħkem lid-dinja spiċċaw żiedu b’mod qawwi l-profitti tagħhom. 

Matul din is-sena, kompliet ix-xejra ta’  żviluppi negattivi fejn jidħol l-estremiżmu. Rajna kif fl-Olanda il-fiduċja ingħatat lill-kandidat b’ideat estremi. Wieħed irid jirrimarka li l-lemin estrem tal-lum hu differenti minn dak ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Hu estremiżmu li jagħti l-impressjoni li hu differenti minn dak ta’ snin ilu.  Minkejja dań hu estremiżmu li jitkellem fuq il-firdiet. 

Fuq kollox din kienet sena fejn għal darba oħra fejn tidħol l-immigrazzjoni rajna tkompli tipprevali s-sitwazzjoni fejn persuni vulnerabbli jaqsmu minn naħa ta’ Fuq ta’ l-Afrika jitħallew abbandunati f’nofs ta’ baħar u kienu qegħdin jinġabru minn bastimenti ta’ ngo’s. Spikkaw sitwazzjonijiet fejn immigranti damu jiem sħaħ, ġieli ġimagħtejn sħaħ bejn sema u ilma. It-traġedji ma naqsux fejn għal darba oħra rajna l-imwiet jiżdiedu meta wieħed iqabbilhom ma’ komm qasmu persuni. Mas-sitwazzjoni tal-immigranti fil-Mediterran wieħed ma jistax isemmi l-imwiet fid-deżert tas-Saħara. 

Tista’ tibqa’ sejjer issemmi avvenimenti oħra negattivi li seħħew madwar id-dinja fis-sena 2023. Nemmnu li d-dinja għandha titgħallem minn dawn l-esperjenzi negattivi. Il-lezzjonijiet qegħdin hemm u issa sta għal min hu fit-tmexxija u f’pożizzjoni li jwettaq li jeħodhom. 

Nemmnu li fejn jidħlu l-kunflitt, l-aggressjoni u l-vjolenza mhix is-soluzzjoni. Mhemmx dubju li kien żball kbir mir-Russja li tinkadi lill-Ukrajna, kif hu żball minn naħa tal-Punent u l-alleati tiegħu, li jeskludu kull possibilità ta’ diskussjonijieet u jibqgħu jinsistu għall-kunflitt. Wieħed ma jistenniex li l-Ukreni wara dak li għaddew minnu f’din l-invażjoni, se jaqblu malajr li jkun hemm diskussjonijiet għall-paċi. Nemmnu imma li waqfien mill-ġlied u irtirar ta’ truppi minn kull naħa għandha tkun fuq l-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi tal-punent.

Minn dak li seħħ matul din is-sena qegħdin nibqgħu naraw dejjem aktar li l-bniedem – l-umanità m’għadhiex fiċ-ċentru ta’ kollox. Illum li sar importanti huma il-flus. Kemm se jkollok finanzi. Kemm korporazzjoni u kumpaniji se jagħmlu profitt. Aktar ma jżidu, aktar iridu. 

Nemmnu li hemm bżonn li s-sistemi finanzjarji u ekonomiċi tal-Istati għandhom ikunu għas-servizz tal-poplu u mhux iservu primarjament lill-awtoritajiet, l-istess awtoritajiet li huma responsabbli għall-ġid komuni. F’din id-dinja tagħna llum qegħdin naraw dejjem aktar nies u kumpaniji sinjuri jaħtfu kemm jistgħu. Nemmnu li l-Istati iridu jaraw li jimmoderaw din il-kilba sproporzjonata ta’ ftit sinjuruni. 

Nemmnu li hu l-bniedem u l-ħaddiem  u  mhux il-flus li jridu jkunu l-mira ta’ kull ekonomija. Differenzi kienu u se jibqgħu jinqalgħu. Nemmnu li l-interessi ta’ dawk fin-naħa ta’ isfel, ta’ dawk vulnerabbli għandha titpoġġa fuq l-aġenda. Il-ġustizzja soċjali għandha terġa’ titpoġġa fuq quddiem tal-aġenda – ġustizzja soċjali li  tagħti każ lil min qed ibati, lil dawk bla leħen, lil dawk li qed jaħarbu, lil dawk mifnijin bil-mard.  Nemmnu li d-dinja għandha tmur biex issaħħaħ l-ugwaljanza, xi ħaġa li ddgħajfet ħafna fl-aħħar snin. 

.

Ekonomija

Sport