Saturday, December 14, 2024

L-Universitá ta’ Malta jirbħu l-E & L Futsal Trophy

Aqra wkoll

L-Universitá ta’ Malta għalqu l-istaġun 2022/23 bl-aqwa mod possibbli meta fil-finali tal-E & L Trophy għelbu liċ-champions Luxol St Andrew bl-iskor ta’ 3-2.

Kienet logħba ferm eċitanti bl-Universitarji li stabilixxew vantaġġ doppju u b’Luxol li fit-tieni taqsima kienu kapaċi jġibu l-iskor indaqs.

Minkejja kollox, l-Universita’ ta’ Malta kienu ferm aggressivi sa mill-bidu u ftit taw ċans lill-avversarji tagħhom jimponu s-solitu logħob tipiku u dominanti tagħhom.

L-Universita’ ta’ Malta marru minn fuq wara erba’ minuti logħob meta kien hemm ħarba ta’ Andre Cachia li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Ryan Marmara bejn il-lasti ta’ Luxol.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0, Luxol kienu żvinurati li laqtu l-lasta għal darba tnejn bl-Universita’ ta’ Malta li rduppjaw ftit wara permezz ta’ Andre Cachia li għal darb’oħra għeleb lil Marmara.

Hawnhekk Luxol kellhom reazzjoni f’waqtha u f’temp ta’ ftit minuti ġabu l-iskor indaqs l-ewwel permezz ta’ Jhonn Castro Pulido li b’xutt bomba minn quddiem Cacciatolo xeħet il-ballun fix-xibka u ftit wara kien Emil Raducu li skorja b’xutt fil-baxx għar-rokna.

Hekk kif Luxol ikkommettew is-sitt foul, l-Universitá ta’ Malta ngħataw free-shot li minnu Gia Nikvashvili għeleb lill-goalkeeper sostitut Clint Mifsud.

Minkejja l-isforzi ta’ Luxol sabiex isalvaw il-partita, b’Andy Mangion li daħal bħala flying keeper, l-Universitá ddefendew sa snienhom sabiex ħadu din it-tazza għat-tielet darba fl-istorja tagħhom.

Fi tmiem il-konfront il-president tal-FMA Mark Borg ippreżenta t-tazza lill-captain tal-Universita’ ta’ Malta Dylan Cacciatolo.

Ekonomija

Sport