Sunday, December 22, 2024

L-Unjoni Ewropea lesta biex tikber?

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea għandha tkun lesta biex tinkludi pajjiżi ġodda qabel ma jkun hemm tkabbir fl-istati membri, il-Membru Parlamentari Ewropew Kroat Karlo Resser qal.

Il-MPE, li huwa membru tal-Partit Popolari Ewropew, qal li l-pajjiżi li jixtiequ jissiebħu mal-UE għandhom jaraw li jkunu lesti biex jagħmlu dan. L-UE qatt m’hu se tkun kompletament lesta biex jissiebħu pajjiżi ġodda, speċjalment għax ma jeżistix mument perfett fil-ġeopolitika. 

Joanna Hosa, viċi direttur tal-Wider Europe Programme fil-Kunsill Ewropew tal-Affarijiet Barranin, qalet li x-xettiċiżmu dwar it-tkabbir tal-UE m’huwiex neċessarjament dwar il-pajjiżi li jixtiequ jissiebħu fil-blok. Żdiedet tgħid li hemm tħassib dwar jekk hux il-UE għandha l-ħila li żżid iżjed membri.

“L-UE għaddiet minn kriżi għal oħra u issa hawn tħassib li l-UE trid tikkalma qabel ma tintroduċi stati membri ġodda,” Hosa qalet. “Dan is-sentiment żdied minħabba Brexit ukoll,” żdiedet tgħid Hosa.

Iż-żewġ kelliema kienu qegħdin jipparteċipaw fi programm tal-Partit Popolari Ewropew dwar it-tkabbir tal-UE.

Hosa qalet li l-UE għandha tikkunsidra tadatta t-trattati tagħha qabel ma tkabbar in-numru ta’ stati membri. “Huwa iżjed diffiċli biex tadatta t-trattati b’membri ġodda,” spjegat Hosa. “Mhux minħabba l-unanimita’ biss, iżda wkoll għax bħalissa għandna Kummissarju Ewropew wieħed għal kull pajjiż. Hemm ħafna partijiet f’din il-biċċa u hija logħba kkumplikata li ssir iżjed ikkumplikata b’membri ġodda,” żiedet tgħid.

“Nifhem is-sentiment ta xi stati membri pero naħseb li qatt m’hu se jkun hemm mument perfett biex tintegra membri ġodda,” Resser qal. “Allura naħseb irid ikun hemm proċess parallel li jassigura li l-pajjiżi li jixtiequ jissiebħu mal-Unjoni Ewropea għandhom livelli stabbiliti għoljin,” żied jgħid.

Resser qal li l-konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tagħti xi linji gwida dwar it-tkabbir tal-UE.

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta’ tliett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta’ kuljum. Dawn l-artikli jirreflettu l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

Ekonomija

Sport