Sunday, November 24, 2024

L-Unjoni Ewropea ta’ għada trid tkun waħda li tirrifletti verament il-ħtiġijiet tan-nies

Aqra wkoll

“Fis-snin li ġejjin se nkomplu nibnu fuq dak li ksibna diġà. Bl-istess mod ser naraw li Malta tkun aktar kompetittiva, u li s-suq tal-Unjoni Ewropea jkun wieħed li jagħmel ġustizzja ma’ kulħadd.”

Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela meta mexxa delegazzjoni tal-Partit Laburista f’laqgħa mal-Malta Business Bureau bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar kif l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin għandhom jiġu riflessi fil-ħidma tal-Membri Parlamentari Ewropej.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ Unjoni Ewropea li tipproteġi l-interessi ta’ kulħadd mingħajr ma jitgħabbew piżijiet fuq in-nies. Minkejja l-isfidi li jinbtu mill-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna, Robert Abela emfasizza kif il-politika tal-Gvern se tibqa’ bbażata fuq il-kompetittività ta’ pajjiżna li twassal għal aktar investiment dirett barrani, tkabbir ekonomiku bla preċedent u inizjattivi konkreti li jtaffu l-isfidi tal-inflazzjoni bħas-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils u l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel. Saħaq li dawn huma miżuri ġusti soċjalment u li jrendu ekonomikament.

Matul il-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-Malta Business Bureau preżentaw kopja tad-dokument tagħhom ibbażat fuq il-prijoritajiet tal-kompetittività għall-ħames snin li ġejjin. Prijoritajiet komuni li l-Gvern qed iressaq ’il quddiem biex jibqgħu jinfetħu opportunitajiet ġodda kummerċjali għal pajjiżna u għall-Maltin.

Il-Prim Ministru kien akkumpanat mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef u l-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba, Claudette Abela Baldacchino, Clint Azzopardi Flores u Steve Ellul.

Sport