Thursday, January 29, 2026

L-UNJONI EWROPEA TIFFIRMA FTEHIMIET IMPORTANTI DWAR IL-KUMMERĊ MAL-INDJA U L-MERCOSUR

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Fi żminijiet diffiċli ta’ bħalissa fejn qed żviluppaw problemi mhux mistennija fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali, il-ftehimiet dwar il-kummerċ li laħqet fl-aħħar jiem l-Unjoni Ewropea mal-Indja u mal-pajjiżi magħrufa bħala Mercosur, jiġifieri l-Arġentina, l-Brażil, Paragway u Urugway, huwa awgurju mill-isbaħ għall-opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ għal pajjiżna, bħall-bqija tal-istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

L-ewwel ftehim li ffirmat l-Unjoni Ewropea mal-erba’ stati mill-Amerika Latina qed joħloq żona ta’ kummerċ ħieles għal madwar 770 miljun ċittadin ta’ dawn il-pajjiżi u tal-Unjoni Ewropea. Il-ftehim magħruf bħala Mercosur mhux biss ineħħi tariffi kummerċjali iżda jistabilixxi wkoll standards regolatorji dwar kif għandu jsir l-investiment u l-esportazzjoni ta’ prodotti bejn iż-żewġ naħat.

Il-ftehim “Mercosur” qed jagħti lill-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea fosthom Malta il-vantaġġ ta’ esportazzjoni bla xkiel lejn suq Latin Amerikan ta’ 284 miljun persuna. Il-ftehim qed ipoġġi l-pedamenti għal sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u reġjun li qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla ħafna. I-istati Membri tal-Unjoni Ewropea se jkollhom opportunita kbira biex ikabbru l-kompetittivita tagħhom fl-istess waqt li jiddiversifikaw is-swieq li għalihom l-Ewropa tesporta l-prodotti tagħha.

Il-ftehim l-ieħor li ġie ffirmat din il-ġimgħa huwa dak bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja li issa hija l-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja. Dan il-ftehim qed jitfisser bħala l-akbar wieħed li qatt ġie konkluż fid-dinja u se jolqot elfejn miljun persuna (2 biljuni) li bejniethom jirrappreżentaw kwart tal-prodott domestiku gross tad-dinja u terz tal-kummerċ kollu li jsir fid-dinja.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ser jiffrankaw €4 biljuni ta’ dazji li qabel kienu jħallsu biex il-prodotti Ewropej jidħlu fl-Indja. Bħala eżempju, id-dazji fuq il-karozzi Ewropej qabel dan il-ftehim kienu jlaħħqu 110%. Issa, b’dan il-ftehim din se titniżżel għal 10% biss. L-ikel proċessat kollu li joriġina fl-Ewropa se jkun jista’ jidħol l-Indja bla dazji ta’ xejn filwaqt li l-Indja issa se jkollha aċċess liberu għas-servizzi finanzjarji, marittimi, professjonali u diġitali tal-Unjoni Ewropea.

L-Indja min-naħa l-oħra se tkun tista’ ssaħħaħ l-esportazzjoni tagħha ta’ prodotti tat-tessuti, ġojjellerija, prodotti tal-ġilda u servizzi ta’ IT lejn l-Ewropa u fl-istess ħin qed tiftaħ il-bibien tagħha beraħ għal investiment Ewropew biex timmodernizza l-infrastruttura tagħha u toħloq aktar impjiegi.

Pajjiż żgħir bħal tagħna jista’ jibbenefika bil-kbir minn ftehim bħal dan. Mhux se nikkompetu f’dak li huwa volum ta’ manifattura ta’ prodotti imma se nkunu nistgħu inservu ta’ post ta’ riferenza biex servizzi oriġinati fl-Indja jidħlu fis-suq Ewropew. Bħala ezempju kumpaniji li joffru servizzi finanzjarji Indjani li jkunu jridu jibdew joperaw fl-Ewropa jkunu jistgħu jistabbilixxu strutturi ta’ uffiċini f’Malta li minnhom jamministraw l-investimenti tagħhom fis-suq finanzjarju Ewropew.

Malta tista tgawdi wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi marittimi u tal-avjazzjoni u anke fl-oqsma tal-gaming, fintech u servizzi professjonali. 

Għal pajjiż bħal Malta rridu nitħejjew tajjeb biex nagħmlu suċċess mill-opportunitajiet li qed jinfetħu għall-intrapriżi Maltin. Jeħtieġ aktar koordinament partikolarment għal negozji żgħar u ta’ daqs medju biex jieħdu l-benefiċċji li nistgħu minn dan il-ftehim u nkomplu niddiversifikaw u nkabbru l-ekonomija tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport