Sunday, December 22, 2024

L-Unjoni Ewropea u l-isfidi li qiegħda tiffaċċja

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur l-Unjoni Ewropea kienet affettwata minn diversi sitwazzjonijiet li xejn ma kienux faċli. Sitwazzjonijiet li minkejja li l-Unjoni Ewropea qed tipprova tirreaġixxi għalihom, sa issa ftit li xejn qiegħda tara riżultat tagħhom. Sitwazzjonijiet li qegħdin iħassbu ukoll liċ-ċittadini Ewropej. Ewlenin fost dawn hemm ir-rispons għall-invażjoni Russa fl-Ukrajna u anke l-gwerra fil-lvant nofsani.

Ma’ dawn il-kwistjonijiet hemm imbagħad sitwazzjonijiet oħra ta’ inċertezza u tensjonijiet industrijali, flimkien mal-ispettur li f’ċerti pajjiżi qegħdin naraw il-lemin estrem jerfa’ rasu. Qegħdin naraw anke politiċi bħal Macron fi Franza li jersaq sew lejn retorika li qed titmexxa mill-partit tal-lemin estrem li għandu ċertu appoġġ, u dan bil-għan li jiġġieled lil dan l-istess partit.

Diversi pajjiżi Ewropej bħal Italia, il-Belġju, Franza u anke ir-Renju Unit jinsabu mifnijin b’tensjonijiet industrijali. Dawn il-pajjiżi u oħrajn, qegħdin jiffaċċjaw ukoll l-isfida ambjentali tal-kriżi fil-klima. Qegħdin jesperjenzaw ukoll l-għibien tas-solidarjetà fis-soċjetà, flimkien ma’ nuqqas kbir ta’ politiċi ta’ stoffa, li lesti li jiġġieldu għal prinċipji li jemmnu fihom.

In-nuqqas ta’ politiċi ta’ stoffa flimkien mal-fatt li l-prinċipji kardinali li fuqhom hi mwaqqfa l-Unjoni Ewropea qegħdin dejjem aktar jintefgħu fil-ġenb, qegħdin iwasslu għal Unjoni Ewropea li tidher staġnata. Mhux biss, imma tidher li hi Unjoni Ewropea, li donnha aktar qed tiffuka fuq il-kunflitti, kuntrarajment għal dak li twaqqfet għalih. Smajna dikjarazzjonijiet fl-aħħar jiem mill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, li ħasad lil ħafna meta qal li jekk irridu l-pjani irridu nippreparaw għal gwerra. Qegħdin naraw Unjoni Ewropea li mhix kapaċi tieħu r-riedni f’idejha fuq diversi oqsma.

Meta țara f’hiex tinsab l-Unjoni Ewropea ma tistax ma tistaqsix fejn huma l-forzi progressivi fl-Ewropa. L-Unjoni Ewropea llum qiegħda tiffaċċja kriżijiet li l-ebda stat Ewropew waħdu ma jista’ jiffaċċja waħdu jew jipprova jsolvihom waħdu. Fost dawn il-kriżi tal-bidla fil-klima u l-effetti tagħha. It-telf ta’ biodiversità. Il-gwerra fl-Ukrajna u l-mod kif din tinsab staġnata għall-aħħar, bl-Ukrajna titlob li tiġi mgħejjuna, waqt li r-Russja f’pożizzjoni li tista’ tistenna u ttawwal il-kunflitt.

Xi ħaġa pożittiva li ħadmet ħafna fuqha l-Unjoni Ewropea, għalkemm internament kellja kunflitti fuqha, kienet il-Green Deal. Dan jista’ jitqies bħala pass ‘lquddiem.

Il-mistoqsija imma hi kemm dawn il-pjani hum biżżejjed? Tqum din il-mistoqsija għax illum kollox hu bbażat fuq is-suq u fuq il-konsum. Kif nistgħu ngħinu verament l-ambjent jekk se nibqgħu nikkonsmaw b’mod esaġerat? Kif nistgħu nagħtu nifs lill-ambjent ta’ madwarna jekk dejjem se nibqgħu nibbażaw kollox fuq żieda fil-konsum? Kif nistgħu ngħinu l-ambjent jekk il-politika se tibqa’ dik li jkun hemm tkabbir ekonomiku, u aktar ma jkun kbir dan it-tkabbir aktar aħjar.

Ma’ dan imbagħad hemm il-politika Ewropea, li tgħin u taġevola kumpaniji u korporazzjonijiet internazzjonali. L-investiment soċjali li tant hu bżonnjuż biex jinħarġu inizjattivi ġodda, għadu wieħed dgħajjef ħafna. Mhux biss, iżda bir-regolamenti ta’ Maastricht, meta d-deficit u d-dejn ta’ pajjiż jaqbżu dak stipulat b’ammont sostanzjali, ikun l-investiment soċjali l-ewwel li jlaqqatha. It-tnaqqqis ta’ fondi għal investimenti soċjali imbagħad ikollu effett fuq setturi sħaħ tas-soċjetà.

Quddiem nuqqas ta’ politika fiskali ġenwina fl-Unjoni Ewropea, nemmnu li l-‘investimenti soċjali’ għandhom jiġu skontati mir-regoli tad-defiċit u tad-dejn tat-Trattat ta’ Maastricht. Hu fatt li meta Stat jinvesti fiċ-ċittadini tiegħu, mill-edukazzjoni u l-kura tat-tfal bikrija sax-xjuħi, joħloq klima ta’ impjiegi u produttività li tkabbar id-dħul għall-istess pajjiż.

Ma’ dawn il-kriżi tal-gwerra fl-Ukrajna u n-nuqqas ta’ direzzjoni mill-Unjoni Ewropea fil-qasam dinji. Sa issa l-Unjoni Ewropea għadha ma wasslitx biex tintemm gwerra, jew li twassal liż-żewġ naħat biex jieqfu mill-kunflitt, minkejja li l-kunflitt jinsab fuq l-għatba. Dan ma seħħx minħabba diversi raġunijiet fosthom mexxejja politiċi li mhux kapaċi jwasslu għal soluzzjonijiet u minħabba l-pressjonijiet mill-industriji tal-armi, li sabu art fertili ġdida f’dan il-kunflitt, billi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u oħrajn qed jissupplixxu l-armamenti. Agħar minn hekk illum qegħdin naraw dikjarazzjonijiet li jagħtu indikazzjonijiet li l-kunflitt jista’ jeskala. Ma’ dawn għandek il-kriżi tal-immigrazzjoni, fejn sa issa l-Unjoni Ewropea minkejja ħafna diskorsi ma rnexxilhiex lanqas issib soluzzjoni, bl-imwiet ikompli jiżdiedu.

U quddiem dawn l-isfidi, iċ-ċittadini jistennew li jkollna Ewropa globali li tkun fuq quddiem u ta’ eżempju fuq bidla fil-klima, drittijiet umani u l-paċi. Nistennew Ewropa Soċjali, li toħloq livell ta’ għixien ġust u ugwali.

Ekonomija

Sport