Wieħed isegwi l-passi li qed jittieħdu mill-Unjoni Ewropea biex tissettja politika komuni dwar it-turiżmu b’sentimenti kuntradittorji. Minn naħa, jagħmel sens li f’dal-qasam li sar daqshekk importanti, jitfasslu regoli dwar kif is-servizzi tat-turiżmu jinħadmu u jingħataw lill-konsumaturi, li illum ilaħħqu l-miljuni fuq miljuni ta’ Ewropej, fil-maġġoranza tagħhom ħaddiema u pensjonanti. Li dawn ma jiġux imqarrqa u misruqa hi ħaġa tajba.
Min-naħa l-oħra, għal darba wara l-oħra, il-politika komuni mfassla fi Brussell ħadet is-sura tal-istess qies ta’ żarbun għal kulħadd. Dan bl-ebda mod ma jagħmel sens għal gżira ċkejkna bħal Malta. Kemm ilha membru tal-Unjoni, rnexxielha tavvanza fis-setturi fejn l-Unjoni m’għandhiex politika komuni, bit-turiżmu wieħed minnhom. X’se jiġri jekk f’dal-qasam ukoll nispiċċaw b’politika komuni taż-żarbun bl-istess qies għal kulħadd?
IL-PORT TA’ GĦAWDEX
Matul l-aħħar snin, l-iżvilupp ekonomiku f’Għawdex tista’ ssejjaħlu bla esaġerazzjoni bħala spettakolari. Wara kollox, Għawdex dejjem ipposseda l-kwalitajiet umani, fiżiċi u ambjentali biex jilħaq miri ekonomiċi impressjonanti.
Fl-istess żmien, smajna ħafna diskors dwar x’messu jsir biex l-affarijiet imorru aħjar, b’emfażi fuq żewġ proġetti preżentati biex inaqqsu l-iżolament tal-gżira. Kienu l-bini ta’ ajruport għall-ajruplani u ta’ mina bejn Malta u Għawdex. Personalment dejjem qiesthom (u hekk għadni nagħmel) bħala illużorji.
Biss issa beda jidher fatt stramb. Fil-progress qawwi li Għawdex baqa’ jirreġistra, intesa fattur ewlieni. Il-port tal-Marfa minħabba l-istess suċċessi miksuba, qed jaqta’ nifsu biex ilaħħaq mat-traffiku, dejjem jikber, ta’ persuni, karozzi u inġenji li riesqa lejh, mill-baħar u mill-art. Dwar dil-problema ħareġ f’Marzu rapport interessanti mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex. Jekk taqra sew x’jgħid ir-rapport, tifhem kif jekk il-port ma jiġix immodernizzat u mkabbar b’urġenza, ir-ritmu tal-progress li qed jinkiseb jiġi pperikolat.
IN-NATO SE TISFAXXA?
Konna naħsbu li n-NATO qiegħda hemm biex isservi l-aqwa interessi tal-gvern Amerikan… waqt li tħares is-sigurtà tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent kontra t-theddid reali jew mistħajjel ġej mill-Unjoni Sovjetika fl-imgħoddi, illum mir-Russja.
L-amministrazzjoni Trump għamlitha ċara mhux biss li ma taqbilx ma’ dil-veduta, imma skont hi, ġara u qed jiġri bil-maqlub. Waqt li l-Ewropej ma jonfqu xejn jew kważi fuq id-difiża tagħhom, l-Amerikani mhux ħlief jonfqu dejjem aktar u jiddedikaw aktar riżorsi biex jiddefendu l-Ewropa. Terġa’, meta l-Istati Uniti jkollhom bżonn l-appoġġ militari tal-Ewropej… bħal dan l-aħħar fil-gwerra tal-Iran… ma ssibux.
Dan qed iwassal lill-President Trump biex jiddikjara li ma jarax valur fis-sħubija tal-Istati Uniti fin-NATO. Possibbli kellhom żball dawk kollha li matul deċennji twal argumentaw kif in-NATO kienet għodda militari Amerikana?

