Saturday, October 26, 2024

‘L-unur kien kbir speċjalment għax l-aħħar li lgħabt kompetittivament kien lura fl-2019’ – Tony Drago

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Jekk kien hemm atleta Malti li fl-aħħar jiem għamel isem u unur għal pajjiżna, m’hemmx dubju li dan ma kien ħadd ħlief Tony Drago, hekk kif wasal sas-semi-finali tal-Isnooker Senior World Championships f’The Crucible, f’Sheffield, l-Ingilterra.

Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Drago nnifsu mal-wasla tiegħu f’Malta, fejn tana dawn il-kummenti esklussivi:

“L-unur kien kbir speċjalment għax l-aħħar li lgħabt kompetittivament kien lura fl-2019. Jiġifieri biex tmur taqbad u tilgħab l-ewwel tournament u titfa’ lilek innifsek fil-Crucible ma’ dawk il-players li huma full-time, dejjem jilagħbu u wasalt sas-semi-finali, naħseb li l-unur hemm jiġi ikbar. Mhux għax wasalt semi-finali imma ċ-ċirkostanzi kif ġew, li wara erba’snin ma nilgħab l-ebda kompetizzjoni.”

“Niġu għall-kwarti tal-fianli fejn għelibt lil Mark Davis bl-iksor ta’ 4-3. Dik il-logħba kont ftit diżappuntat għax dik suppost irbaħtha 4-1 jien. Kont qed nirbaħ 3-1 u tajtu maskla, ħa nirbaħ żgur, tajtielu u ġejna 3-3. L-aħħar frame kien wieħed viċin ħafna u rnexxieli nirbħu fl-aħħar.”

“Rigward is-semi-finali, jien u Jimmy White, ilna 20 sena nilagħbu flimkien u nafu l-logħba ta’ xulxin bl-addoċċ. Nistqarr li kont ftit għajjien minħabba l-logħba ta’ qabel kontra Mark Davis, u anke naqra emozzjonat peressli kien għadu kemm miet ħabib tiegħi ukoll. Jien naħseb li din il-logħba kienet tkun eħfef li kieku rbaħt ma’ Mark Davis 4-1 u mhux 4-3, għax imbagħad il-logħba ġiet wisq emozzjonali u ħassni naqra għajjien, mentalment. Jien nieħu pjaċir meta nkun naqra nervuż, għax jien nilgħab l-aħjar snooker tiegħu meta nkun nervuż … jekk inkun kalm u rilassat, ma joħroġxrx l-aqwa ta’ Tony Drago!”

“Rigward il-futur tiegħi, jien illum il-ġurnata ma nilgħab għall-futur imma nilgħab għall-preżent … jien illum il-ġurnata iktar niddepedni fuq exhibitional games u invitational tournaments … jien illum għandi 57 sena, trid tilgħab għall-preżent, ma tridx taħseb fuq 10 snin oħra. Dan xi darba rridu nieqfu nilagħbu!”

Sport