Saturday, December 21, 2024

L-użu ta’ sistemi diġitali jsaħħaħ id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħna fil-proċess ġudizzjarju

Aqra wkoll

F’konferenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa fl-Ungerija, u li għaliha attenda l-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis, ġew diskussa l-isfidi u l-kisbiet relatati mad-diġitizzazzjoni tal-ġustizzja u l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali għal skopijiet ġudizzjarji. Din il-konferenza saret wara konferenza oħra ministerjali f’Ottubru tal-2019 fi Strasburgu.

F’intervent waqt il-konferenza, il-Ministru Zammit Lewis spjega li biex pajjiż demokratiku jaħdem, għandu jkun ibbażat fuq ġustizzja u governanza tajba. “L-għodda diġitali, jekk użati bil-għaqal, tgħin biex iżżid l-effiċjenza, l-aċċessibilità u l-protezzjoni ta’ dawk vulnerabbli fil-proċessi ġudizzjarji”, qal il-Ministru Zammit Lewis.

Tkellem dwar x’qed twettaq Malta biex ittejjeb il-ġustizzja diġitali u semma l-importanza ta’ dan l-iskambju fost is-47 pajjiż firmatarju tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-fatt li flimkien, dawn il-pajjiżi għandhom jaslu għal regoli u għal teknoloġiji komuni u bażiċi.

Il-Ministru Zammit Lewis semma wkoll is-suġġett tal-intelliġenza artifiċjali u l-applikabbiltà tagħha għall-proċessi ġudizzjarji. Qal li pajjiżna ħa ħsieb jirregola dan is-settur ġdid permezz ta’ regolatur appożitu. Dan kollu qed isir skont il-linji gwida tal-Kunsill tal-Ewropa.

“Dan huwa suġġett li rridu nħarsu lejh b’ċerta kawtela biex naċċertaw li ma jkunx hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem skont il-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej”, spjega l-Ministru. L-intelliġenza artifiċjali fil-proċessi ġudizzjarji tgħin biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess għal ġustizzja aktar effiċjenti u effettiva.

Madanakollu, baqa’ ħafna xi jsir f’dan ir-rigward u l-applikabbiltà tal-AI m’għandha qatt tissosstitwixxi lill-ġudikant għax hekk inkunu biss qed napplikaw il-liġi b’mod li mhux neċessarjament ikun meqjus u proporzjonali, żied il-ministru.

Ikkonkluda li l-pajjiżi firmatarji għandhom jaspiraw għal ‘Qrati tal-Ġustizzja’, mhux għal ‘Qrati tal-Liġi’.

Ekonomija

Sport