Wednesday, December 25, 2024

“La ma qatax qalbu t-tifel m’iniex se naqta’ qalbi jien”

Tama f’operazzjoni “revoluzzjonarja” fit-Tajlandja… Ippjanat l-irkant tal-karozza tiegħu għal aktar ġbir ta’ fondi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Alla jagħlaq bieb u jiftaħ ieħor. Jekk ma qatax qalbu t-tifel m’inix se naqta’ qalbi jien. Andrea huwa ddeterminat ħafna li jerġa’ jkun indipendenti. Bħalissa jinsab f’terapiji ta’ fiżjoterapiji intensivi ħafna f’Ruma u l-pass li jmiss huwa dak li jagħmel operazzjoni fit-Tajlandja li tista’ tgħinu jilħaq il-ħolma tiegħu”.

Hekk qaltilna omm Andrea Calleja, Maria, li flimkien ma’ missieru Antonio, iltaqgħu magħna biex jgħidulna dak li għadda minnu l-għażiż binhom wara inċident sfortunat li kellu fit-8 ta’ Otturbru tal-2022 fit-tellieqa b’ostakli, ”The Grid”. 

Andrea, ġuvni bil-għaqal, ħabrieki u maħbub minn kull min jafu, minn dejjem kien iffissat fl-attivitajiet sportivi fejn wara x-xogħol kien jerħila lejn il-gym u saħansitra kien beda kors biex isir instructor. Minn ċkunitu huwa kellu mħabba kbira għall-attivitajiet sportivi tant li minn dejjem kien jieħu sehem f’xi tip ta’ sports fosthom football, waterpolo u rugby. Kien jidħol għalihom b’ruħu u ġismu. Kienet din l-imħabba u l-grinta li kellu għall-isports li waslitu biex jipparteċipa f“The Grid”, kompetizzjoni li tinvolvi għadd ta’ dixxiplini f’tellieqa fuq stil tal-militar li tinkludi mixi, jogging u għawm.

Ma kinitx l-ewwel Grid li għamel…

“L-aħħar grid li għamel kienet twila siegħa u nofs biss. Kien diġà ħa sehem fi tnejn oħra u ta’ qabilha kienet twila sitt sigħat. Jiġifieri għall-aħħar waħda, li fiha kellu l-inċident, kien ippreparat sew għaliha u kien jaf x’inhu jagħmel,” spjega l-missier, Antonio. Huwa qalilna kif Andrea kien wasal fl-aħħar ostaklu li kienet żurqieqa bl-ilma li minnha hemm min jinżel bilqiegħda, min bilwieqfa u min b’idejh bil-quddiem għal rasu. Wara din iż-żurżieqa jitilgħu ħabel u jdoqqu l-qanpiena li tindika t-tmiem tat-tellieqa. Antonio spjega li dakinhar Andrea, bħal ħafna oħrajn, għażel li jinżel b’rasu l-isfel. 

“Ġara li meta niżel Andrea… il-mod kif niżel, rasu ħabtet mal-qiegħ. Bl-impatt kiser il-ġewża t’għonqu, dak li f’termini mediċi huma s-C3 u s-C4. Ħadd ma nduna u t-tifel baqa’ konxju b’wiċċu ‘l isfel fi ftit pulzieri ilma. Minħabba li mad-daqqa ma setax jiċċaqlaq, il-biża’ tiegħu kienet li, għax ma semax reazzjoni minn dawk preżenti, kienet dik li jegħreq wiċċu ‘l isfel f’dik il-ftit ilma. Baqa’ jisma kollox imma ma setax jiċċaqlaq,” qalet b’kommozzjoni kbira l-omm. Irrakkontaw kif kien il-fotografu tal-grupp tagħhom li nduna li Andrea baqa’ ma telax. Kien f’dan il-punt li neħħa l-kamera minn idejh u mar itellgħu.

Mistoqsija jekk kienx hemm qatt inċident bħal ta’ Andrea f’“The Grid”, Antonio kkonferma li ġieli seħħu iżda ebda wieħed minnhom ma kien serju bħal fil-każ ta’ ibnu. Andrea dakinhar tal-Grid kien mar mat-tfajla tiegħu u kien permezz ta’ telefonata li l-ġenituri tiegħu ġew mgħarrfa bl-inċident. Ma setax jonqos li marru ta’ malajr l-isptar biex jaraw eżatt x’ġara.

Disa’ xhur fil-kura intensiva… “Mirakli jagħmlu hemmhekk”

“L-ewwel li rawh kienu tar-Red Cross li kienu fuq il-post tal-inċident fejn indunaw li kienet xi ħaġa serja. Andrea ttieħed l-isptar u sabu li kien bejn ħajja u mewt, kif ukoll sofra paraliżi minn spaltu ‘l isfel. L-għada għamlulu operazzjoni biex iżommulu għonqu u oħra xahar wara biex jistabbilixxulu aktar għonqu. Għamel disa’ xhur sħaħ fit-Taqsima tal-Kura Intensiva minħabba li fl-inċident kien anke laħaq bela l-ilma li kien imniġġes u kkawżalu infezzjoni fil-pulmun. Wara tela’ l-Orthopedic fejn inbditlu l-fiżoterapija. Ħaġa waħda ngħidu, is-sezzjonijiet tal-isptar tagħna fejn kien Andrea, il-mirakli jagħmlu u x-xogħol li sar fuqu kien ta’ livell eċċezzjonali,” tennew flimkien il-ġenituri.

Il-każ ta’ Andrea,  li għandu 31 sena, huwa wieħed serju għax barra li kiser rukkelli fl-għonq, huwa għandu ħsara fl-ispina u b’hekk pparalizza ruħu. Imma, dan l-isportiv ma qabadx u qata’ qalbu li d-destin poġġih fuq siġġu tar-roti. Bid-determinazzjoni tiegħu u l-imħabba tal-ġenituri, li għalkemm ilhom isseparati s-snin dejjem baqgħu jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ binhom, għażlu li bħala familja jiġġieldu biex Andrea jaqleb għall-aħjar.

Terapija aktar intensiva fl-Italja… diġà hemm progress

Grazzi għall-kuntatti ta’ missieru li jaħdem f’ambaxxata Taljana, Andrea ntbagħat għal fiżjo terapija aktar intensiva u avvanzata fl-Italja, eżattament fiċ-ċentru speċjalizzat tal-Fondazione Santa Lucia ta’ Ruma. Hawn, wara Karen Grech, Andrea mar fit-13 ta’ Marzu li għadda. “Grazzi għat-terapija li qiegħed jingħata f’dan l-isptar Andrea qiegħed jagħmel ħafna progress u ninsabu kuntenti ferm li beda jiċċaqlaq mill-bust u għandu bidu ta’ funzjoni fl-idejn. Dan għalina jfisser ħafna. Aħna telgħin u neżlin ħdejh imma hemm spejjeż involuti,” kompla Antonio.

Proprju dwar progress u finanzjament, Maria qaltilna dwar ix-xewqa kbira ta’ Andrea li wara riċerka li għamel, sab li hemm operazzjoni li tista’ tagħtih iċ-ċans li jerġa’ jkun indipendenti. “Qegħdin nagħmlu kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għall-operazzjoni ta’ Andrea għax din tiswa €160,000 waħidha. L-ispejjeż tagħna nieħdu ħsiebhom aħna. Dan l-ammont huwa meħtieġ esklussivament għal Andrea u s’issa wasalna, grazzi għall-ġenerożità tal-Maltin, biex inġabru €23,000”. 

Il-ġbir ta’ fondi għall-kura ta’ Andrea qiegħed isir permezz tal-paġna tagħhom fuq il-Facebook u tal-Crowd Fund Zaar. “L-operazzjoni hija ppjanata għal Novembru li ġej u avolja l-mira għadha ‘l bogħod, m’aħniex naqtgħu qalbna,” qalet bid-dmugħ f’għajnejha din l-omm li rabbiet b’tant għożża lil binha.

Operazzjoni li tista’ twasslu jimxi b’bastun

“Andrea ddeċieda li jerġa’ jieħu saħtu u li jkun indipendenti bħal kulħadd. Dik hija x-xewqa tiegħu u tagħna. Minn riċerka intensiva li għamlu huwa u t-tfajla sabu li hemm operazzjoni “revoluzzjonarja” fit-Tajlandja tagħti tama lill-persuni b’korriment bħal tiegħu,” kompliet Maria. 

F’din l-operazzjoni spjegawlna kif jiddaħlu żewġ ċipep, waħda fuq in-naħa ta’ fuq tas-sinsla u l-oħra fin-naħa t’isfel biex permezz tagħhom jintbagħtu l-messaġġi bejn naħa u oħra u jagħtu l-funzjoni li qabel kien jagħmel il-moħħ mal-ġisem b’mod naturali. 

Mistoqsi x’ħass u x’inhuwa jħoss f’din is-sitwazzjoni, Antonio bilkemm felaħ jitkellem imma rnexxielu jtenni li “Andrea huwa l-unika tifel li għandi.” Huwa u jipprova jżomm id-dmugħ spjegalna li din l-operazzjoni mhux se ġġib lil ibnu lura 100 fil-mija kif kien imma, tista’ twasslu biex jimxi b’bastun.

“Għalija li jista’ jqum minn fuq dak is-siġġu u jagħmel żewġ passi, anke jekk bil-bastun, diġà huwa ħafna. Jien li naf lil Andrea sewwa, ladarba jdaħħal f’moħħu li jrid jasal x’imkien, naf li xorta se jagħmilha u mhux se jaqta’ qalbu. Fit-Tajlandja ma tawx persentaġġi ta’ probabbiltajiet imma għalina, diġà huwa miraklu li jqum bil-wieqfa aħseb u ara,” intervjeniet l-omm. 

Ħsieb ta’ rkant tal-karozza li tant iħobb biex jinġabru aktar flus

Hija qalet li għal din l-operazzjoni Andrea diġà biegħ il-mutur tiegħu u issa qegħdin jippjanaw li jagħmlu għall-irkant il-karozza tiegħu li tant iħobb. Din se tkun parti mill-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi biex, effettivament, il-ħolma ta’ Andrea u tagħhom, issir realtà.

Tajjeb li l-operazzjoni li għandu bżonn Andrea ssir fl-Ewropa, eżattament, fil-Ġermanja. Imma, hekk kif speċifikaw Calleja, fil-Ġermanja din tiġi tiswa d-doppju – €300,000. Meta ġiet diskussa din l-għażla Maria stqarret li hawn, “Andrea qalilna li mhuwiex vijabbli li ssir il-Ġermanja minħabba li diġà jaf kemm hija iebsa fuqhom dik tat-Tajlandja, li hija nofs il-prezz”. 

“Jiġri x’jiġri, b’xi mod, din l-operazzjoni trid issir”

Il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi hija essenzjali għal din l-operazzjoni ta’ Andrea. Issa għad fadal xahrejn u l-ġenituri tiegħu qegħdin jittamaw li l-poplu Malti, bħal dejjem, jgħin. Mistoqsija x’jagħmlu jekk ma jinġabrux biżżejjed flus, qalulna li huma lesti li jħabbtu bibien oħra bħall-Community Chest Fund u forsi għand Dar Bjorn. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, b’determinazzjoni u mħabba ta’ ġenituri eżemplari, qalulna li, “jiġri x’jiġri, b’xi mod, din l-operazzjoni trid issir”. 

Maria, li ħajjitha dejjem evolviet madwar uliedha, ukoll għaddejja minn dulur kbir iżda s-saħħa tagħha qiegħda ssibha fis-saħħa li qiegħed juri Andrea f’din is-sitwazzjoni li d-destin ġab fuqu. Hija, ukoll bid-dmugħ f’għajnejha, stqarret li, “jien għandi żewġt it-tfal. It-tfal mal-qalb u jkollok kemm ikollok, tħobbhom b’imħabba indeskrivibbli. Għedewwa m’għandix u sinċerament, dak li għaddejjin minnu aħna, ma nixtiequ fuq ħadd. Nirrepeti dak li dejjem ngħid – naf minn x’hiex għaddiet id-duluri. Hekk biss nista’ ngħid. Kieku naf li nista’ nagħti s-sinsla ta’ dari biex ngħejjex lilu, nagħthielu imma naf li Andrea imbagħad iħoss għalija dak li jiena qiegħda nħoss għalih bħalissa”. 

Hemm tama għax hemm ċans

Andrea mhuwiex jaqta’ qalbu u hemm tama li x-xewqa li xi darba jqum bilwieqfa u jsir indipendenti, isseħħ. Biss inġibu l-eżempju ta’ Bruce Lee li wkoll waqt ġlieda kien korra serjament u ma setax jiċċaqlaq wara daqqa qawwija fuq ix-xewka ta’ daru. Min-naħa tiegħu, Andrea jqabbel lilu nnifsu mal-karattru fittizju ta’ Bruce Wayne li ħadem il-parti ta’ Batman u fil-film kellu l-istess tip ta’ korriment. 

“Iċ-ċans għadu hemm għax l-ispina ma kisirx. Għandu l-ħsara. Naf li wara l-operazzjoni, jekk iqum bil-wieqfa, se jagħmel minn kollox biex jagħmel l-ewwel pass,” tennew b’nota pożittiva l-ġenituri ta’ Andrea Calleja.

Minn hawn aħna nittamaw li din il-ħolma ta’ Andrea u tal-familja tiegħu ssir realtà. Inċidenti sfortunati bħal dawn jiġru u huma f’dawn  is-sitwazzjonijiet li għandna nkunu ta’ spalla lil xulxin. Andrea, iben u ġuvni eżemplari, ma ġiex f’hiex ġie minħabba vizzji, qżież jew għax kiser il-liġi. Huwa, bħal sportivi oħra, kellu l-isfortuna li weġġa’ f’attività b’għajniet sani. F’attività nkoraġġita mis-soċjetà għal soċjetà aktar b’saħħitha. 

Hija l-istess soċjetà li tista’ tagħti l-kontribut tagħha ħalli tgħin lil Andrea. Almenu, jekk ma jieħux saħtu kollha lura, dan il-ġuvni li jixraqlu futur quddiemu, ikun jista’ jieħu dak li tista’ tagħtih din l-operazzjoni – iċ-ċans li jerġa’ jqum fuq saqajh u jkun indipendenti. 

Ekonomija

Sport