Sunday, December 22, 2024

Laqgħa għall-ħaddiema tal-BOV membri fil-GWU dwar strateġija ta’ operat ġdida

Aqra wkoll

It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi sejħet laqgħa għall-membri tagħha li jaħdmu l-Bank of Valletta. Din il-laqgħa li saret fil-Workers’ Memorial Building il-Belt Valletta kienet waħda minn sensiela ta’ laqgħat li se jsiru bi tħejjija għall-Ftehim Kollettiv ġdid peress li dak eżistenti jagħlaq fl-aħħar ta’ din is-sena.

Għal din il-laqgħa attendew ukoll uffiċjali għolja tal-Bank fejn spjegaw lill-membri dak li qed jipproponi l-Bank bħalha strateġija ta’ operat ġdida, proġett pilota fir-Retail Network.

Il-maniġment saħaq li ż-żewġ punti prinċipali li qed jiffoka fuqhom huma l-aħjar metodi kif jintlaħqu l-aspettattivi tal-klijenti biex jipprovdulhom l-aħjar servizzi kif ukoll dik li jżommu lill-impjegati tagħhom kuntenti fuq il-post tax-xogħol fosthom billi jipprovdulhom aktar flessibilità.

Is-Segretarju tat-Taqsima, Riccarda Darmanin spjegat li permezz ta’ din il-laqgħa ingħatat informazzjoni direttament mingħand il-maniġment, filwaqt li l-maniġment sema’ l-mistoqsijiet u kummenti tal-impjegati tiegħu li kienu preżenti fis-sala jew onlajn.

“Irridu nassiguraw li l-istrategija ġdida tal-operat toħloq il-bilanċ meħtieġ fil-ħajja privata tal-ħaddiema u li tintlaqa’ tajjeb mill-membri tagħna speċjalment meta qed issir preparazzjoni għal Ftehim Kollettiv ġdid,” qalet Darmanin.

Għal din il-laqgħa kien preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Ekonomija

Sport