Wednesday, July 24, 2024

Il-WSC tħabbar pjan nazzjonali ta’ €310 miljun f’investiment fis-settur tal-ilma u d-drenaġġ

Aqra wkoll

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) varat pjan t’10 snin b’investiment ta’ €310 miljun biex tagħti spinta kbira ‘l quddiem fl-immaniġġjar u s-sostenibilità tas-settur tal-ilma u tad-drenaġġ f’Malta.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia nedew in-National Investment Plan for Water and Wastewater Sector 2023-2033, nhar it-Tlieta.

Il-pjan komprensiv se jindirizza sfidi bħall-iskarsezza tal-ilma, it-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li d-drenaġġ jiġi mmaniġġjat b’mod effiċjenti. Il-pjan jistabbilixxi ukoll qafas strateġiku għall-investiment fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma u t-trattament tad-drenaġġ, bil-għan li jilqa’ għaż-żieda fid-domanda ta’ din ir-riżorsa mill-popolazzjoni u l-ekonomija.

Il-Ministru Miriam Dalli nnutat li l-2023 kienet sena li fiha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kisbet riżultati pożittivi ħafna. “Irreġistrajna kisbiet bla paragun, b’żidiet fil-produzzjoni tal-ilma, fil-produzzjoni tan-new water (ilma riċiklat għal użu agrikolu) u fl-ammonti t’ilma kkontjat, kif ukoll tnaqqis fit-telf tal-ilma (water leakage), u investiment rekord, li flimkien ikkontribwixxew għall-aqwa sena finanzjarja għal din il-Korporazzjoni.”

“Il-kisbiet tal-2023 juru biċ-ċar l-impenn tagħna għall-eċċellenza u l-effiċjenza fl-immaniġġjar tal-ilma,” qalet il-Ministru, “f’konfermità mar-regolamenti tal-UE, il-pjan ġdid ta’ investiment nazzjonali jsaħħaħ l-infrastruttura tal-ilma tagħna, u jwitti t-triq għal sistema tal-immaniġġjar tal-ilma iżjed effiċjenti u sostenibbli, b’aktar benefiċċji ambjentali. Dan huwa impenn lejn is-saħħa, l-ambjent u l-ħarsien ta’ ġenerazzjonijiet futuri ta’ pajjiżna.”

Karl Cilia spjega li l-Korporazzjoni tinsab f’mument kruċjali fl-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma. “Dan il-pjan huwa xhieda tal-mod proattiv u d-dedikazzjoni tagħna biex niżguraw l-ogħla standards ta’ kwalità u servizz tal-ilma. L-enfasi tagħna fuq it-teknoloġija u l-innovazzjoni se tmexxina lejn livelli ta’ effiċjenza u sostenibbiltà bla preċedent.”

Il-pjan ta’ 10 snin jiżgura l-allinjament ta’ Malta mal-istandards Ewropej fl-immaniġġjar tal-ilma u jippromwovi l-kunċett tal-ekonomija ċirkolari billi jinkoraġġixxi l-irkupru tar-riżorsi u l-użu mill-ġdid tal-ilma reklamat. Bl-appoġġ tal-Ministeru, il-Korporazzjoni kisbet €126 miljun f’fondi tal-UE biex tiffinanzja parti minn dan il-pjan.

L-2023 kienet sena importanti għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ikkaratterizzata minn sensiela ta’ kisbiet rekord li jenfasizzaw ir-rwol ċentrali tagħha fil-ġestjoni u s-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-ilma ta’ Malta:

Tnaqqis rekord fin-Non-Revenue Water (ilma li jiġi prodott iżda jintilef qabel jasal għand il-konsumatur) sena wara sena, bi tnaqqis ta’ 3.5% oħra fuq is-sena rekord preċedenti. L-effiċjenza tan-netwerk issa qed tilħaq 72.7%, minn 52% fl-2011.

Tnaqqis rekord fil-ħela ta’ ilma, b’Infrastructure Leakage Index ta’ biss 9.5% tal-produzzjoni tal-ilma meta mqabbel ma’ 13% fl-2013.

Intlaħaq rekord ta’ każijiet ta’ użu ħażin tal-ilma solvuti u mħallsa, li jaqbżu l-100 każ.

Produzzjoni rekord ta 36.7 miljun metru kubu ta’ ilma, l-ogħla fl-aħħar 20 sena, biex tilqa’ t-talbiet dejjem jikbru tat-tkabbir fl-ekonomija u s-settur turistiku.

Kwantità rekord ta’ 1.6 miljun metru kubu ta’ new water fornut lill-komunità tal-biedja.

Irreġistrati livelli baxxi ta’ klorin fl-ilma, bi tnaqqis ta’ 30% matul l-2023.

9.1 miljun unità t’elettriku ġġenerati mill-4 sistemi ta’ pannelli tax-xemx (photovoltaic) tal-Korporazzjoni u mill-impjanti tal-biogas, li jfisser elettriku għal 1,300 dar.

Ekonomija

Sport