Wednesday, July 24, 2024

Futsal: Luxol u ŻRQ Bormla jżommu l-pass mal-Universitá ta’ Malta

Aqra wkoll

Luxol St Andrew’s u ŻRQ Bormla komplew jersqu viċin il-leaders tal-klassifika University of Malta ACJ Group meta rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom mill-Enemed Futsal League.

Luxol xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu lil Birżebbuġa Futsal 2-1. Iċ-champions saħansitra kienu qed jitilfu 1-0 iżda għarfu jdawru r-riżultat favurihom sabiex aċċertaw ruħhom mis-seba’ rebħa staġjonali.

Sebastian David Jimenez poġġa lil Birżebbuġa minn fuq sabiex Marwan Telisi u Michael Borg dawru l-iskor għaċ-champions Maltin.

Referees kienu Andrea Naudi u Marco La Rosa.

ŻRQ Bormla ddominaw il-partita tagħhom kontra Sliema Futsal tant li rebħu 6-0.

Il-plejer ta’ esperjenza Jovica Milijic kien il-protagonista għall-Bormliżi meta skorja erba’ gowls b’Karl Luke Schembri u Karl Sciortino li għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Referees kienu Clint Cassar u Andrea Naudi.

Swieqi baqgħu fit-taqtiegħa wara rebħa kbira ta’ 8-1 kontra Gżira United Santa Margerita.

Gregory Busuttil skorja tripletta għat-tim minn Swieqi filwaqt li Dylan Pace skorja doppjetta. Brayan Stiven Rivera, Andrew Abela u Isaac Buhagiar niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Nazzareno Abela skorja l-uniku gowl għal Gżira li għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom matul dan l-istaġun.

Referees kienu Jude Amin Utulu u Danilo Francalanza.

Ta’ Xbiex Futsal komplew jiddiżappuntaw matul dan l-istaġun u sofrew telfa oħra ta’ 12-5 din id-darba kontra Marsaskala Futsal.

Craig Pickard kien ta’ ispirazzjoni għall-Iskalin meta skorja erba’ gowls b’Amir Ashtiyani li kien awtur ta’ tripletta. Sadanittant George Aquilina skorja doppjetta filwaqt li Owen Duca, Alessio Restuccia u Bertram Azzopardi żiedu aktar gowls għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta.

Ta’ Xbiex skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ Kurt Bartolo, Glenn Bonello, Liam Caruana, Christian Wismayer u Dexter O’Brien.

Referees kienu Clint Cassar u Stefan Bonnici.

Fid-dwell bejn żewġ timijiet żgħażagħ, is-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena għelbet lil dik ta’ taħt it-18-il sena 4-3.

Kienet logħba ferm bilanċjata biż-żgħażagħ ta’ taħt id-19-il sena li qalbu l-iskor favurihom fit-tieni taqsima.

Collin Sammut, Mason Agius, Shiraz Attard u Amin Louati skorjaw il-gowl tal-under 19 bit-tim ta’ taħt it-18-il sena jsib ix-xibka minn doppjetta ta’ Brave Azzopardi u gowl ieħor ta’ Giorgio Comes.

Referees kienu Marco La Rosa u Sillah Al Hasana.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE

University of Malta ACJ Group 24, Luxol St Andrew’s, ŻRQ Bormla 22, Swieqi United FC Futsal 21, Birżebbuġa St Peter’s 18, Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 12, Selezzjoni Maltija U19 , Marsaskala Futsal 7, Selezzjoni Maltija U18 3, Sliema Wanderers FC Futsal 2, Gżira United Santa Margherita 0

Ekonomija

Sport