Wara l-pressjoni li saret mill-General Workers’ Union (GWU), ilbieraħ saret laqgħa kordjali bejn il-unjin u d-diriġenza tal-Malta Delivery Fleet Operators Association.
Matulha kienu diskussi l-punti li l-unjin kienet ilha u għadha qed tisħaq dwarhom, jiġifieri li l-ħaddiema ta’ dawn il-kumpaniji jkollhom dħul diċenti li jkun konformi mal-liġi u punti oħra relatati ma’ saħħa u sigurtà waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
L-Assoċjazzjoni tkellmet favur u aċċettat il-fatt li hemm bżonn ta’ aktar koperazzjoni mal-Union għall-ġid tal-partijiet kollha. Għalhekk intlahaq ftehim li mill-ġimgħa d-dieħla se jibdew isiru laqgħat oħra li għandhom iwasslu għall-ftehim aħħari li jissalvagwardja lil dawn il-ħaddiema.
Dan kollu sar wara li t-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-GWU kitbet lill-kumpaniji kollha li jipprovdu s-servizz ta’ tqassim ta’ prodotti u ikel permezz ta’ pjattaformi diġitali biex jirregolaw ruħhom skont il-liġi b’mod immedjat.
“Minn hawn insellmu lill-ħaddiema li jqassmu l-prodotti u l-ikel permezz tal-pjattaformi diġitali u nwegħduhom li se nkomplu nkunu vuċi għalihom,” qal is-Segretarju Taqsima Ospitalità u Ikel Kevin Abela.