Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul attenda għall-ewwel laqgħa tiegħu mal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. F’din il-laqgħa huwa rrikonoxxa l-importanza ta’ dan il-kumitat hekk kif għandu rwol importanti x’joffri fejn jidħol id-djalogu soċjali f’pajjiżna.
Rigward l-istruttura tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili, is-Segretarju Parlamentari saħaq li jinsab lest sabiex jisma’ l-proposti biex din tkompli tissaħħaħ. Huwa għamel referenza wkoll għall-proposta elettorali ta’ dan il-gvern, fejn jingħaqdu żewġ aġenziji, jiġifieri l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u s-Servizzi Ewropej Maltin.
“Meta ssir din l-għaqda, irridu naraw li t-tibdil propost iġib miegħu titjib sabiex inkunu aktar effettivi f’xogħolna. Għaldaqstant, kommess li nibqa’ naħdem u nitkellem mal-imsieħba soċjali kollha sabiex din ir-riforma ssir b’mod effettiv,” saħaq Dr Ellul. Huwa temm jgħid li fiż-żmien li ġej se jkun qed jara li għall-ewwel darba, il-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili jibda jiftaħ il-bibien tiegħu għal nies speċjalizzati meta jibdew jiġu diskussi temi relevanti għalihom, xi ħaġa li indubbjament se twassal għal aktar djalogu b’saħħtu.