Thursday, June 13, 2024

Laqgħa mal-MCESD: L-Enemalta tqiegħed ’il fuq minn 70km ta’ cables ta’ 11-kv, aktar xogħlijiet għaddejjin

Aqra wkoll

L-Enemalta poġġiet aktar minn 70km ta’ cables 11-kv filwaqt li għaddejjin ix-xogħlijiet għal pjan aċċellerat ta’ tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni. Din il-ħidma biex tissaħħaħ il-grid nazzjonali għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità u r-reżiljenza tas-servizzi li l-Enemalta tipprovdi lill-klijenti residenzjali u kummerċjali tagħha.

Dan tħabbar waqt laqgħa li saret mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali fil-preżenza tal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul. Iċ-chairman eżekuttiv tal-Enemalta l-Ing. Ryan Fava aġġorna lill-membri tal-Kunsill dwar il-pjan ta’ azzjoni ta’ sitt snin ta’ din l-entità.

“Wegħidna li ser inżommu lill-imsieħba soċjali aġġornati dwar il-pjanijiet tad-distribuzzjoni tal-Enemalta wara li ddiskutejna magħhom pjan ta’ investiment aċċellerat. B’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta, l-Enemalta poġġiet aktar minn 70km ta’ cables ġodda f’lokalitajiet differenti, li żiedu man-network diġà eżistenti,” qalet il-Ministru Miriam Dalli, filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema.

Il-Ministru Dalli enfasizzat li l-pjanijiet tal-Enemalta maqsuma bejn proġetti għal żmien qasir, medju u fit-tul biex tilqa’ għall-bżonnijiet immedjati u biex tippjana għal quddiem. B’ekonomija li hija knowledge-based, sfidi kkawżati mit-tibdil fil-klima u investimenti innovattivi mistennija fis-settur tal-enerġija, network reżiljenti huwa dejjem iktar importanti.

“Il-Gvern iddedika aktar fondi lokali u tal-UE biex jintlaħaq dan l-għan. Anke l-fatt li rċevejna interess konkret minn investituri lokali u internazzjonali lejn proġetti ta’ enerġija rinnovabbli offshore huwa xhieda tal-fiduċja li jgawdi pajjiżna u tax-xogħol li ilna nagħmlu,” qalet il-Ministru Dalli.

Din is-sena biss, total ta’ €55 miljun qed jiġu investiti għall-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, tliet darbiet iktar l-ammont oriġinali li kien allokat fil-pjan ta’ sitt snin.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal, “Din il-laqgħa tixhed kemm id-djalogu soċjali jaħdem b’mod pożittiv f’Malta. Fuq talba tal-Ministru Miriam Dalli, il-MCESD tlaqqa’ biex jingħata rendikont dwar id-distribuzzjoni tal-elettriku. Dan juri kif id-djalogu soċjali għandhom jibqgħu jsiru f’Malta biex jingħata l-aħjar riżultat u biex l-imsieħba soċjali jibqgħu jkunu infurmati bl-operat tal-gvern. Jien sodisfatt li smajt l-imsieħba soċjali jfaħħru l-koordinament bejn il-ministeri u l-entitajiet tal-gvern. Dan huwa xhieda tal-impenn tagħna għal djalogu soċjali effettiv.”

Min-naħa tiegħu, l-Ing. Fava spjega li t-tisħiħ tal-grid b’70 kilometru ta’ cables ġodda ta’ 11-il kilovolt ta’ taħt l-art ħoloq konnessjonijiet alternattivi ġodda li se jimmultiplika r-reżiljenza tan-network. Dan huwa kważi erba’ darbiet aktar mit-tul tal-medium voltage cables f’dawn fl-aħħar sentejn.

“L-Enemalta mhux biss laħqet l-għan tagħha imma fil-fatt irnexxielha tpoġġi total ta’ 82km ta’ cables ġodda. Dan kien possibbli wkoll grazzi għall-kollaborazzjoni b’saħħitha ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta, biex ikun żgurat li x-xogħlijiet isiru fl-inqas ħin possibbli. Nirringrazzjaw lir-residenti, lill-komunitajiet u lin-negozji tal-kollaborazzjoni u l-paċenzja tagħhom,” qal l-Ing. Fava.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-Enemalta kkummissjonat ukoll 26 substation ġdida u tejbet 24 oħra. Inbidlu wkoll 16-il switchgear.

Għaddejja wkoll ħidma preparatorja għal żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u s-Siġġiewi u titjib taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni eżistenti fl-Imsida, Sant’Andrija (Pembroke), u Buġibba. Għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għal proġetti kbar oħra li se jitlestew fis-snin li ġejjin, inkluż konnessjoni ġdida ta’ 132 kilovolt bejn il-Magħtab Interconnector Terminal u ċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Mosta biex jiġu kkonsolidati l-konnessjonijiet prinċipali bejn l-Interconnector Malta-Italja u n-network tad-distribuzzjoni lokali.

L-Inġ. Fava rrefera wkoll għall-impjant ta’ emerġenza ta’ 60MW fuq standby jekk wieħed mis-sorsi ewlenin tal-ġenerazzjoni jiġi affettwat minn sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, saħaq fuq l-importanza li l-imsieħba soċjali tal-MCESD jinżammu aġġornati dwar ix-xogħol importanti li qed isir biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna speċjalment wara l-avvenimenti esperjenzati f’Lulju tas-sena l-oħra. Spjega kif, għat-tielet darba, il-Ministru responsabbli, Miriam Dalli, u l-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava, ipparteċipaw fl-MCESD u pprovdew dawn l-aġġornamenti. Il-Perit Xuereb faħħar lill-Ministru Dalli għall-approċċ kooperattiv tagħha, li semgħet, u kkunsidrat bis-serjetà s-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet tanġibbli mogħtija mill-imsieħba soċjali. Saħaq li dan jiżgura trasparenza, responsabbiltà u kollaborazzjoni.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport