Sunday, May 19, 2024

Laqgħa pożittiva mal-partijiet ikkonċernati prinċipali dwar ir-riforma lejn ġustizzja effettiva mal-vittmi tad-droga

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard organizza laqgħa mal-partijiet ikkonċernati prinċipali bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma lejn ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga.

Filwaqt li rringrazzja lill-entitajiet rispettivi li laqgħu l-istedina biex tkompli din il-konsultazzjoni, il-Ministru Attard beda biex jiċċara li fiċ-ċentru ta’ din ir-riforma hemm dawk li huma verament vittmi tad-droga u li l-gvern se jibqa’ jaħdem biex jiġġieled it-traffikar tad-droga.

“Huwa fl-interess ta’ kull persuna fis-soċjetà li ngħixu fiha li ma nsabbtux il-bieb f’wiċċ dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra spiċċaw vittmi tad-droga. Iżda nemmnu li dawn il-vittmi għandhom isibu spalla għal ħajja aħjar,” saħaq il-Ministru Attard.

Il-ministru qal li  l-laqgħat li kellu mal-istess partijiet ikkonċernati fis-settur, mhux biss servew biex ikompli jifhem u japprezza l-ħidma tagħhom, imma wkoll biex jiddiskutu ċertu punti u proposti li jistgħu jkomplu jsaħħu din ir-riforma daqstant importanti li tista’ tagħti opportunità lil dawk li verament juru li jridu jbiddlu ħajjithom għat-tajjeb.

Huwa nnota li b’mod ġenerali l-proposti ntlaqgħu tajjeb, filwaqt li kien hemm aspetti, bħar-reviżjoni tal-ammonti fl-iskeda indikattiva ta’ min jikkwalifika għal Qorti tad-Droga, li ħolqu diskussjoni importanti. Il-ministru saħaq li huwa propju dan l-iskop tal-konsultazzjoni pubblika, u aċċerta li qed tittieħed nota tas-sottomissjonijiet kollha u esprima ottimiżmu li dan il-proċess se jwassal għal tisħiħ ta’ din ir-riforma.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi Dr Alex Scerri Herrera spjega li huwa prinċipju fundamentali li l-liġi għandha tiġi riveduta u emendata biex dejjem tkun konformi mal-morali soċjali u l-polz tan-nies. Żied jelabora li għax il-liġi hija xi ħaġa attiva, propju fl-għaxar anniversarju mill-konsultazzjoni pubblika li wasslet għal waħda mill-akbar riformi fil-qasam tal-liġijiet tad-droga, din l-istess liġi qed tiġi riveduta sabiex is-sistema ġudizzjarja ssir aktar ġusta u effiċjenti.

Il-liġi tipprospetta numru ta’ kriterji u kundizzjonijiet sabiex il-Qorti tevalwa jekk tistax u għandhiex tikkonverti ruħha f’Qorti dwar id-droga jew le. L-idea ta’ din l-emenda hija sabiex jiġu analizzati iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u jkun hemm aktar aspett uman fl-applikabbiltà ta’ din il-liġi.

Il-partijiet ikkonċernati minn diversi entitajiet qasmu l-ħsibijiet tagħhom b’interventi li saru minnhom waqt il-laqgħa. Il-Ministru Attard u Dr Scerri Herrera rrispondew għal dawn l-interventi b’referenza għal dak li tgħid ir-riforma u komplew jiċċaraw l-għan aħħari tagħha.

Rigward il-proċess tal-konsultazzjoni, l-partijiet ikkonċernati esprimew sodisfazzjoni għall-mod ta’ kif żviluppat id-diskussjoni b’mod speċjali għall-mod ta’ kif bejniethom stess iltaqgħu u għandhom stediniet biex ikomplu jikkonsultaw bejniethom fuq tali suġġetti.

“Ħarġu ħafna punti interessanti li jikkonfermaw kemm din hija opportunità tajba biex issir riforma kuraġġuża u li l-kontribut miġbur ċertament se jkun qed iservi biex jintlaħaq l-iskop aħħari ta’ din il-konsultazzjoni – li noffru ċans lil dawk li spiċċaw vittmi minħabba d-dipendenza tagħhom fuq id-droga,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Għal din il-laqgħa attendew diversi rappreżentanti fosthom mill-aġenzija nazzjonali Sedqa, mill-Caritas u mill-Fondazzjoni OASI.

Sport