Saturday, May 4, 2024

“Deċiżjoni diffiċli ħafna u li rrid inqis kollox”

- l-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar jekk hux se jikkontesta l-elezzjonijiet tal-PE

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta mistoqsi dwar jekk hux se jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li din hija deċiżjoni diffiċli ħafna għalih u li jrid iqis il-kunsiderazzjonijiet kollha qabel jiddeċiedi.

Waqt intervista li saritlu mill-preżentatur Karl Bonaci fuq l-istazzjon televiżiv F Living, Dr Muscat iddikjara li ma jridx jitfa’ lill-Partit Laburista f’sitwazzjoni prekattiva u lanqas ma jrid li l-familja tiegħu jħallsu prezz ogħla minn dak li diġà ħallset.

“Din mhux logħba draughts. Din logħba chess. Trid taħseb tnejn, tliet passi ‘l quddiem,” qal Dr Muscat filwaqt li rrikonoxxa li hemm ħafna nies li lilu baqgħu jħobbuh u huwa għadu jħobb in-nies.

Min-naħa l-oħra, huwa saħaq li hemm affarijiet personali li jrid jieħu konsiderazzjoni tagħhom. “F’dawn l-aħħar snin bnejt uffiċċju tiegħi. Jiena ma niħux xogħol tal-Gvern. Naħdem mal-privat. Hemm dik ir-riperkussjoni ta’ serjetà u impenn professjonali li nkun ħadt.”

Huwa qal ukoll li ż-żewġt itfal tiegħu bħalissa qed jaħsbu li jmorru l-università u hu stess qed jinkoraġġihom li jħarsu lil hinn xtutna. Qal li din se tkun bidla mhux żgħira għalihom li jridu jaraw lit-tfal tagħhom fejn se jmorru joqogħdu.

“Li jkollokx sitwazzjoni fejn persuna tgħix naħa, żewġt itfal pajjiż jew tnejn oħra u persuna oħra tgħix f’pajjiż ieħor. Faċli joħroġ Joseph Muscat, u jġib 80,000 jew 90,000 vot. Imbagħad min se jeħodlu ħsieb lill-familja?” qal l-eks Prim Ministru.

“Fuq naħa hemm it-tfal. Fuq naħa oħra hemm il-ġenituri. Fuq naħa hemm in-nies naf fejn jiġbdu. Fuq naħa hemm l-affarijiet professjonali. Jiena m’iniex qed nipprova ninki biex ngħid iva jew le. Hija deċiżjoni diffiċli ħafna li rrid nieħu u li rrid inqis kollox.”

Dr Muscat żied jgħid li jrid jaħseb ir-riperkussjonijiet kollha li jista’ jkun hemm, tajbin u ħżiena fuq il-Partit Laburista imma anke fuq il-familja tiegħu.

“Irrid nieħu ħsieb il-familja tiegħi. Għaddejna mit-trawma li bagħtu n-nies fid-dar tiegħi. Aħna naffaċċjawha b’kuraġġ għax m’aħniex nies xipli,” kompla jgħid l-eks Prim Ministru. Dan filwaqt li sostna li ma jridx jagħmel affarijiet li bihom il-familja tiegħu jkollhom iħallsu prezz ogħla minn dak li diġà ħallsu.

Sport