Monday, December 9, 2024

Aktar minn €25 miljun oħra fil-bwiet ta’ 63,000 benefiċjarju

Aqra wkoll

63,000 persuna se jkunu qed igawdu minn 5 pagamenti oħra li se jingħataw fi tmiem din il-ġimgħa, b’investiment ieħor ta’ aktar minn €25 miljun. Dawn il-pagamenti jinkludu l-Bonus għal dawk li ma jikkwalifikawx għal pensjoni kontributorja, l-Għotja għal Ċittadini Anzjani, il-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja, u ser jibdew jitħallsu l-aġġustamenti fil-pensjoni għall-pensjonanti mwielda qabel l-1962 u anke l-Pensjonanti Romol.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musù.

Intqal li minn nhar is-Sibt illi ġej, madwar 13,000 persuna ser jieħdu bonus għaliex m’għandhomx biżżejjed bolol biex jibbenefikaw minn pensjoni kontributorja, u dan ser isir b’investiment ta’ €7.2 miljun.

Dan il-bonus din is-sena qed jerġa’ jiżdied b’€50 u jitla’ għal €500 għal dawk li ħallsu bejn sena u 4 snin kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u €600 għal dawk li ħallsu bejn 5 u 9 snin kontribuzzjonijiet. Dawk il-benefiċċjarji li jilħqu l-età ta’ 75 sena, ser jibqgħu jirċievu l-bonus flimkien mal-Għotja għal Ċittadini Anzjani. B’kollox, minn meta ġie varat il-benefiċċju fl-2015 tħallsu kważi €41 miljun.

Ġie spjegat li fi tmiem din il-ġimgħa ser tingħata wkoll l-Għotja għal Ċittadini Anzjani, fejn madwar 40,000 persuna se jibbenefikaw minn din l-għotja, li se ssir b’investiment ta’ €14.9 miljun. Din is-sena din l-għotja qed terġa’ tiżdied b’€50. Dawk fl-età bejn 75 u 79 sena jirċievu €300 fis-sena u dawk ta’ 80 sena u aktar jitħallsu €450 fis-sena. Dan il-benefiċċju huma eliġibbli għalih anzjani li għadhom jgħixu fi djarhom jew mal-qraba.

“Dan huwa Gvern li jisma’ u li jindirizza r-realtajiet soċjali tal-mument, u li jkompli jagħmel prijorità l-qasam soċjali għaliex huwa l-katalista u s-sisien t’ekonomija b’saħħitha. Dan il-Gvern kommess illi jibqa’ jsaħħaħ lil dawk l-aktar vulnerabbli, lill-middle class filwaqt li jkompli jinċentiva lin-negozji,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musù spjega wkoll illi d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali diġà qed jipproċessa dawk il-każijiet ta’ pensjonanti mwielda qabel l-1962 sabiex b’mod gradwali jieħdu l-istess rata ta’ pensjoni ta’ dawk il-persuni li twieldu wara l-1962. S’issa ġew ipproċessati maż-€2.5 miljun fi kważi 5,000 reviżjoni tal-pensjoni ta’ dawk li twieldu qabel l-1962.

Intant, mid-9 ta’ Frar ser tingħata wkoll żieda addizzjonali għal 1,650 pensjonanti romol bħala parti mit-tkomplija ta’ proċess li għandu jwassal biex finalment, sa 3 snin oħra, jibdew jitħallsu l-pensjoni sħiħa li kellhom dritt għaliha l-konjugi tagħhom kieku għadhom ħajjin. Iż-żieda, li hija addizzjonali mal-€15 li ħadu fil-bidu tas-sena, tkun tvarja skont is-salarji li kellhom il-konjugi tagħhom meta sfaw nieqsa.

Is-Segretarju Permanenti semma wkoll li madwar 200,000 persuna ħadu l-benefiċċju addizzjonali tal-COLA, b’nefqa globali ta’ €16-il miljun

Ekonomija

Sport