Il-kapijiet tal-Punent tal-Afrika lbieraħ bdew laqgħa importanti ħafna li fiha kien mistenni li jiġu diskussi n-numri ta’ kolp ta’ stati li seħħew f’qasir żmien f’din il-parti tal-Afrika. Dawn l-episodju turbolenti komplew iżidu t-tbatijiet taċ-ċittadini li diġà ilhom isofru ħafna.
Id-diskussjonijiet ta’ emerġenza qed isiru fil-belt ta’ Accra ġewwa l-Ghana u ġew imsejħa wara l-kolp ta’ stat li seħħ f’Burkina Faso fl-24 ta’ Jannar li għadda. Dan kien it-tielet pajjiż li spiċċa f’idejn il-militar f’perjodu ta’ ftit xhur. Qablu kien hemm il-kolp ta’ stat ġewwa l-Guinea li kien seħħ f’Mejju tal-2021 u dan kien segwa l-kop ta’ stat ġewwa l-Mali li kien seħħ Settembru tal-2020.
Biex tkompli żżid mal-instabbiltà f’dan ir-reġjun, nhar it-Tlieta li għadda kien hemm attakk b’arma tan-nar fuq il-President ta’ Guinea-Bissau, Umaro Sissoco Ambalo, fejn dan aktarx kien ukoll parti minn pjan ta’ kolp ta’ stat. Il-mexxejja tal-Punent tal-Afrika jinsabu mħassbin ferm b’dak li qiegħed jiżvolġi f’din il-parti tal-kontinent u hemm tħassib li l-isforzi li saru biex tissaħħaħ l-istabbiltà u tirrenja d-demokrazija qed ifallu.