Sunday, December 29, 2024

“Laqtitni l-għaqda u l-imħabba bejn il-komunità”

Vjolinista u kantanta Maltija tieħu sehem f’kunċert f’Betlehem

Aqra wkoll

Il-vjolinista u kantanta Maria Cini, fil-jiem li għaddew tat wirja bħala parti mill-kunċert Lightning of the Christmas Tree li jsir ta’ kull sena f’Manger Square f’Betlehem, qrib il-knisja tan-Natività li tinsab mibnija fuq il-grotta fejn twieled Gesù.

Dan is-sit tkellem ma’ Maria Cini nnifisha fejn irrakkontatielna l-esperjenza tagħha proprju fil-post fejn twieled Ġesú Bambin. Fi kliemha:

“Kemm nixtieq li għadni hemm! Kull min saqsieni kif mort l-Art Mqaddsa, dik kienet ir-risposta tiegħi. Ma stajtx kont f’post aħjar waqt iż-żminijiet tal-Milied. In-nies laqawni b’idejhom miftuħa. Kullħadd kien ilu jistenna li jsir dan l-avveniment minħabba li tħassar ħesrem is-sena l-oħra minħabba l-COVID-19. Minn x’ħin wasalt sa x’ħin qbadt l-ajruplan lura għal Malta, kienet esperjenza emozzjonali ħafna. Għamilt ħafna ħbieb ġodda u nixtieq nirringrazzja minn qiegħ qalbi lill-Palestinjani kollha li kelli x-xorti nsir nafhom. Għoġobni l-fatt kemm jagħmlu attivitajiet biex jiċċelebraw il-Milied. Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew mit-3 ta’ Diċembru, meta nxtegħlet is-siġra tal-Milied ta’ Bethlehem.” 

“Minn dakinhar l’hemm ikun hemm irħula oħra fejn bħal, Bethlehem tinxtegħel is-Siġra tal-Milied, u wkoll xi parati bl-iscouts groups tal-lokal u nar tal-arja. Il-ħaġa li l-iktar laqtitni waqt dawn l-avvenimenti hija, li minkejja l-problemi li dan il-pajjiż jaffaċċja ta’ kuljum, l-għaqda u l-imħabba bejn il-komunità hija sabiħa mmens. Kelli ċ-ċans ndur ħafna postijiet differenti, bħal Ġerusalemm, Ġeriko u l-Baħar il-Mejjet. Żort ħafna postijiet fejn dawn nisimgħu bihom fil-ġrajja ta’ Ġesù. Huwa differenti meta tara dawn il-postijiet li ilna tant nisimgħu bihom fir-reliġjon li nħaddnu aħna. Se nerġa’ nżur l-Art Mqaddsa żgur għaliex din l-esperjenza se tibqa’ mnaqqxa f’qalbi għal ħajti kollha. Nixtieq nirringrazzja lir-Rappreżentant ta’ Malta ġewwa l-Palestina, is-Sur Franklin Aquilina, talli tani din l-opportunità indimentikabbli, kif ukoll lill-Cultural Diplomacy Fund within the Ministry for Foreign and European Affairs and Trade of Malta, u lis-Sur Elias Alarja li ssapportjaw bis-sħiħ dan il-proġett. Fl-aħħar u mhux l-inqas nixtieq nirringrazzja lil familjari tiegħi, lil sħabi kif ukoll lis-segwaċi tiegħi li urew is-sapport tagħhom!”

Ekonomija

Sport