Tuesday, May 21, 2024

LE GĦALL-ABORT, LE GĦALL-ARMAMENTI

Aqra wkoll

Ħalli nagħmilha ċara mill-bidunett. Jien kontra l-abort u kontra l-armamenti. Tgħid x’tgħid l-Unjoni Ewropea. Jgħid x’jgħid il-Parlament Ewropew. Mela l-pożizzjoni tiegħi ċara daqs il-kristall. Imma rrid ngħid x’iwassalni għal din il-konvinzjoni. Norbot iż-żewġ punti flimkien għax it-tnejn iwasslu għall-istess konklużjoni: Qtil.

Nieħdu l-abort. Mhux darba u tnejn qrajt u smajt argumenti favur li l-mara għandu jkollha d-dritt li tneħħi tarbija minn ġufha. Jinġiebu diversi argumenti favur dan ir-raġunar. Fosthom li ġisimha huwa tagħha u għandha dritt tagħmel li trid bih. Inħoss li argument bħal dan ireġi sakemm ġisimha jibqa’ biss ġisimha. Meta f’ġisimha, f’ġufha hemm tarbija, inħoss li dak li jingħad li huwa dritt ma jreġix. Għax allura t-tarbija fil-ġuf, għax għad m’għandhiex leħen li tista’ ssemmgħu, m’għandix dritt li tgħix?

Apparti hekk, nieħdu issa ż-żewġ protagonisti li wasslu għat-tarbija fil-ġuf, ir-raġel u l-mara. Is-sehem huwa ugwali. Għaliex xi ħadd minnhom għandu jkollu d-dritt jimponi fuq il-parti l-oħra biex jittermina tqala? Jekk min-naħa l-oħra ż-żewġ partijiet jaqblu li jitterminaw tqala, għaliex għandu jitwarrab id-dritt tat-tarbija fil-ġuf li tibqa’ tgħix ħajjitha?

Ikun hemm l-argument li jista’ jkun li mara tkun sfat stuprata u jkun kontra r-rieda tagħha li ħarġet tqila u allura għandu jkollha dritt tittermina t-tqala. Imma finalment dik it-tarbija, ġiet kif ġiet, anke jekk kemm il-mara kif ukoll ir-raġel ma kellhomx il-ħsieb li jkollhom tarbija, aktar u aktar f’każ ta’ stupru, it-tarbija xorta għandha dritt għal ħajjitha. Għaliex għandha tkun sagrifikata, maqtula, hi? Żgur li ma kienx tort tagħha li tnisslet.

Għaliex għandha tingħata l-piena hi?
Jinġieb ukoll l-argument li jista’ jkun magħruf minn kmieni fit-tqala li t-tarbija se jkollha xi forma ta’ diżabilità u allura jkun jaqbel kemm għall-ġenituri kif ukoll għat-tarbija li ma titwieled qatt. U għaliex għandu jkun hekk? Allura jekk it-tarbija tkun normali imma maż-żmien, għal xi raġuni jew oħra, tispiċċa b’xi diżabilità, għandu jkun hemm id-dritt anke hawn li nitterminawlha ħajjitha? Għandu jkollna d-dritt noqtluha? X’aktarx li lanqas biss toħlomha sitwazzjoni bħal din. Imma allura għaliex għandu jkun hemm differenza bejn stadju u ieħor tal-ħajja? Ikollok dritt toqtolha fil-ġuf imma mhux wara li titwieled?

Le, nemmen li dan id-dritt, li għalija m’hu dritt xejn, m’għandu jkun hemm ebda lok għalih. Pajjiżi oħrajn jagħmlu li jridu. Ma rridx li pajjiżi jagħti drittijiet bħal dawn.

Ngħaddi għall-armamenti. Nemmen li ħadd ma jkun lest jinvesti f’xi forma ta’ prodott, hu x’inhu, li għalih ma jkunx hemm suq. Għax x’jiswa’ li tinvesti, li tipproduċi, imma l-prodott jibqa’ fl-imħażen? Huwa għalhekk li jinħolqu l-gwerer, taħt xi skuża jew oħra. Imma mbagħad noqogħdu nibku dwar kemm qegħdin jinqatlu nies innoċenti, fosthom nisa, tfal, anzjani, kawża tal-bombi li jintefgħu. Il-ġrajjiet ta’ Gaża huma l-aktar riċenti. Ftit qabilhom kien hemm u għad hemm dawk fl-Ukranja u fir-Russja, f’tal-ewwel aktar minn tat-tieni. Hemm ukoll f’partijiet oħra tad-dinja li forsi ma jingħatawx daqstant pubbliċità għax bħal donnu dawn mhux nies bħall-oħrajn.

Għalija huwa tal-mistħija li l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, ikollhom idejhom imċappsin bid-demm tal-vittmi li jistgħu jinħolqu b’dak li qed ikun propost dwar l-abort u l-armamenti. Xejn iżjed u xejn inqas.
[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport