Friday, November 22, 2024

Lejl ta’ atmosfera maġika b’eluf ta’ xemgħat li jagħmlu dan l-avveniment wieħed uniku

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li se jerġa’ jittella’ “Lejl Imkebbes”, il-festival annwali li permezz ta’ eluf ta’ xemgħat joħloq atmosfera maġika fiċ-Ċittadella u li din is-sena se jsir is-Sibt 20 ta’ April mis-6pm ’il quddiem.

F’din l-edizzjoni mistenni jkun hemm madwar 500 metru kwadru ta’ artefatti uniċi madwar iċ-Ċittadella, se jiżdiedu żewġ attrazzjoni ġodda u aktar dekorazzjonijiet bix-xemgħat biex iżidu mal-maġija tal-lejl. Barra minn hekk, tliet strutturi tad-dawl se jiġu installati u se jagħtu opportunità għal ritratti maġiċi.

“Dan l-avveniment mhux biss sar parti mill-kalendarju kulturali ta’ Għawdex iżda jattira lejh eluf ta’ nies kemm Għawdxin, Maltin kif ukoll turisti li jżuru l-gżira proprju għal dan il-festival. Fil-fatt, is-sena l-oħra attendew madwar 9,000 ruħ u din is-sena qed nistennew li jerġa’ jiġbed numru kbir ta’ nies. Attivitajiet bħal dawn bidlu lil Għawdex f’destinazzjoni għal matul is-sena kollha u huwa għalhekk li l-Ministeru jkompli jagħti s-sostenn tiegħu biex isiru dawn l-avvenimenti,” stqarr il-Ministru Camilleri.

Waqt “Lejl Imkebbes” se jkun hemm ukoll bosta attivitajiet għal kulħadd b’re-enactments storiċi u tradizzjonali, dħul b’xejn fil-mużewijiet, ftuħ ta’ postijiet pubbliċi oħra ta’ interess, mużika kontemporanja, u attivitajiet għat-tfal. Barra minn hekk, wieħed jista’ jsib stands tal-ikel fid-ditch taċ-Ċittadella li joffru kemm ikel Malti kif ukoll ikel ieħor u għandhom jagħmlu dan l-avveniment lejl li jolqot il-gosti u l-etajiet kollha.

Il-Ministru Clint Camilleri ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi għal dan il-lejl maġiku u uniku fiċ-Ċittadella li se joffri divertiment għall-familja kollha.

Id-dħul għal dan il-festival huwa mingħajr ħlas u se jittella’ b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Se jkun provdut ukoll trasport b’xejn minn u lejn l-Imġarr Għawdex.

Sport