“Kif konna qed inniżżlu l-pazjenti, indur u nara suldat ħdejja b’arma tan-nar ippuntata ma’ wiċċi. Ħsibtu suldat Malti. Wara sirt naf li kien wieħed mill-commandos Eġizzjani li kienu ġew Malta biex jeħilsu l-ajruplan. Dan baqa’ jsegwini bl-arma ma’ dahri ġewwa l-Emerġenza u anke wara li ħriġt minn hemm biex inkompli x-xogħol.”
Din l-esperjenza għaddiet minnha Nicolina Farrugia, meta bħala infermiera li kienet inkarigata mill-Isptar San Luqa (matron) kienet irriskjat ħajjitha fil-ħtif tal-ajruplan tal-Egyptair fl-1985 biex tkun tista’ ssalva lil ħaddieħor. B’emozzjoni kbira, f’xi waqtiet bid-dmugħ nieżel minn għajnejha, hija rrakkontat ma’ dan il-ġurnal kif f’dak il-hijack kienet spiċċat ukoll mhedda b’arma minn wieħed mill-commandos Eġizzjani.
Farrugia bdiet billi qalet li “niftakar li kien lejl ta’ bard u kesħa kbira. Lejl li kessaħni mhux biss minn barra imma wkoll minn ġewwa kompletament. Għadni sal-lum. Niftakar u nibki.”
Hija tgħid li meta l-eks Ministru Ċensu Moran infurmaha bil-hijack, telqet minnufih lejn l-Isptar San Luqa. “Bdejna naraw kif nilħqu kemm jista’ jkun staff biex jirrapportaw għax-xogħol l-Isptar u rranġajna l-Isptar għal din l-emerġenza.”
“Dak kien is-Sibt filgħaxija. Imbagħad il-Ħadd waranofsinhar bdew ġejjin l-ewwel passiġġieri ostaġġi li kienu ġew irrilaxxati,” qalet Farrugia li semmiet ukoll kif fost il-pazjenti li kienu rċevew kien hemm mara Amerikana – Jackie Pflug – li kienet milquta minn tir t’arma tan-nar f’għonqha.
Hija tgħid ukoll li magħha kien hemm l-eks Membru Parlamentari Mario Galea, li dak iż-żmien kien staff nurse fl-Emerġenza. Żiedet li l-inċident fejn dak ir-raġel kien ippuntalha l-arma ma’ dahra kien seħħ waqt li kienu qed iniżżlu l-pazjenti.
Farrugia kompliet tgħid li dan ir-raġel li kien baqa’ jsegwiha bl-arma kienu neħħewh minn magħha l-eks Spettur Anġlu Farrugia, illum Speaker u l-Ispettur Joe Psaila.
Qalet ukoll li kienu hi u Mario li daħħlu pazjent l-emerġenza li tawh l-identifikazzjoni ta’ “The man in grey trousers” li dan wara ġie identifikat bħala Ali Rezaq, wieħed mill-hijackers.
Fost pazjenti oħra li kienu ġew midruba mill-ajruport, kien hemm raġel li xħin kienu qed jeżaminawh sabu li kellu nofs siequ mtajra u maġenbu kien hemm ukoll hand grenade. “Dak kien lejl u ġurnata ta’ biża’ għal kulħadd,” qalet Farrugia.
“Domt xhur norqod bid-dawl jixgħel għax fid-dlam kont nara għajnejn dak il-commando Eġizzjan. Ġieli kont insuq u nara għajnejh fil-mera. Niftakar ukoll f’dawk in-nies kollha li mietu, inħarqu. Kien hemm ħafna katavri. Dawn huma affarijiet li impossibbli tinsiehom,” hija temmet tgħidilna.
Sadanittant, fl-2016, Nicolina Farrugia kienet ingħatat il-Medalja għall-Qadi tar-Repubblika għar-rwol tagħha f’dan il-hijack matul il-ħidma ta’ aktar minn 36 sena bħala infermiera fejn okkupat diversi karigi.
Ma’ L-Orizzont, Farrugia tgħid li dan l-unur aċċettatu “f’isem l-istaff kollu tal-Isptar li ħadmu kemm felħu dakinhar. Id-dispjaċir jibqa’ għall-vittmi u l-familjari tagħhom. Imma jibqa’ s-sodisfazzjon li inti tkun għamilt kollu possibbli u aktar milli stajt, f’dawk iċ-ċirkostanzi.”

