Saturday, December 21, 2024

Lejl ta’ ħidma biex jibdlu l-barrikati tal-azzar fi Triq Aldo Moro

Aqra wkoll

Ħaddiema ta’ Infrastructure Malta qattgħu l-lejl li għadda jibdlu l-barrikati tal-azzar li ntlaqtu mill-ħabta tat-trakk fi Triq Aldo Moro, il-Marsa lbieraħ. 

Filwaqt li Infrastructure Malta qalet li l-għaxar korsiji ta’ din it-triq issa huma miftuħin kollha, komplew bl-aħħar tiswijiet wara l-10.00a.m.

Intant, waqt ONE Breakfast tkellem il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi fejn, mingħajr ma jidħol fil-każ, qal li ssir ħafna ħidma meta jkun hemm inċident simili fosthom mill-Enemalta.

Azzopardi qal: “Ma ninsewx li din kienet l-aħħar parti tal-proġett tal-Marsa, jiġifieri fil-periferija tiegħu. Mela allura anke l-arbli, dawk kienu arbli li nxtraw mal-proġett tal-Marsa. Kelna extra u allura twaħlu mill-ewwel. Imma mbagħad ried ukoll li mhux li jitneħħa t-trakk, il-vetturi jew il-materjal li nxtered biss, iżda nistgħu niftħu t-triq b’mod sigur?”

Żied jgħid: “Sfortunatament mhix triq normali din, din hija triq arterjali u li tiegħu ċertu volum ta’ vetturi u allura bilfors li biex tinfetaħ b’mod sigur riedna nintervjenu mill-ewwel. Allura nirringrazzja l-ħaddiema kemm dawk ta’ Infrastructure Malta li għamlu lejl hemmhekk, kemm tal-kuntrattur u l-ħaddiema kollha.”

Qal li kien hemm aktar minn 80 metru ta’ crash-barriers li nqalgħu u matul il-lejl kellhom jerġgħu jwaħħlu kollox mill-ġdid.

Ekonomija

Sport