Wednesday, October 9, 2024

“Naħseb irnexxieli nkisser l-istigma ta’ tfuliti li bit-tattoos ma ssibx xogħol”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid dan Daniel Borg Cardona; Sid ta’ numru ta’ stabbilimenti tal-ikel 

“Dejjem kelli viżjoni li xtaqt nikber, mhux biex inkun xi ħaġa kbira, iżda għax fl-opinjoni tiegħi sabiħ li tkompli tagħmilha ma aktar nies u tespandi. F’dawn l-aħħar snin jien għamiltha ma’ ħafna nies, kelli xi kunċetti li fallew, iżda jekk inħalli f’idejn in-nies biex jiġġudikaw, illum ħafna mill-kunċetti rnexxew u nfirxu.

Żgur li qatt m’jien se niċħad il-kunċett tal-għeruq tal-karriera tiegħi. Jien ma nista’ qatt niċħad li jiena bdejt bil-burgers. Kien hemm żmien fejn kienu jidħku bija għax tipo kif tista’ tiżviluppa ċertu burgers. Għal din ir-raġuni kull ħanut li niftaħ jiena ndaħħal il-burger. 

Għalija is-suċċess m’għandux kejl, iżda huwa bbażat fuq il-kuntentizza ta’ dak li jkun. Bniedem jista’ jkollu ħanut wieħed u jkun kuntent bil-kunċett tiegħu u sfortunatament hawn min ikollu 10 u ma jkunx daqstant kuntent.

Jekk tistaqsini minn fejn jiġu l-ideat, ngħidlek li onestament xi kultant ma nafx però jien jkolli ħafna u ħafna ideat. Iżda naħseb li s-sigriet ta’ kemm kunċett jista’ jkun ta’ suċċess hija kemm ikun stramb u xi kultant iva, għaliex le, bla sens ukoll bħala kunċett. Kien hemm min daħak bija u qalli miġnun meta għamilt l-ħelu bl-injection fuq il-pancakes, iżda llum hawn ħafna stabbilimenti li jużaw dan il-kunċett li rnexxa. Tfuliti kellha rwol importanti wkoll. Meta kont żgħir kont inħobb il-cartoons tal-Ġappuniżi u minn hemm xtaqt li niftaħ dan il-kunċett hawn u bdejna l-Wagyu. Qed niffoka fuq diversi kunċetti bħalissa u hemm minnhom li jistgħu faċilment ifallu għax ikun hemm riskju f’kulma nagħmlu. Fin-negozju l-problema mhijiex li tfalli, iżda li ma tkunx għaqli biżżejjed li tirrikonoxxi li qiegħed tfalli. Jista’ jkollok kemm trid ħwienet, iżda jekk ikollok wieħed biss li jkun qiegħed jitlef ma tagħmilx sens li tibqa’ tipprova tinvesti fih. 

Ritratt: Alan Saliba

Fil-pandemija ma kinitx impossibbli li tinvesti. F’dawn is-sitwazzjonijiet għalija l-aktar għaqli jkun li npoġġi bilqiegħda b’karta u biro. Mhux laptop. Karta u biro u nipprova nara x’qegħdin ifittxu n-nies. X’inhu vijabbli u x’mhuwiex. Eżempju ċar kien il-foodtruck li armajna Baħar iċ-Ċagħaq. Dak kien is-salvazzjoni tagħna matul il-pandemija. Onestament hawnhekk nixtieq ninża’ l-kappell lil dawk kollha li joħorġu l-ikel kollu tagħhom mill-foodtrucks għax biex tkun effiċjenti f’dak l-ambjent hija sfida ferm akbar milli f’post fiss li fih għandek kollox miegħek.

Ċertifikati? Jien ċertifikati m’għandix u kelli min ġie jipprova jaħdem magħna u kellu ċertifkati daqs Golden Ramsey naħseb imma meta pprova fil-kċina kien arroganti u ħadd ma ried jaħdem miegħu.

Kien hemm żmien li qabdu miegħi minħabba t-tattoos. Illum il-ġurnata anke minħabba ċertu programmi li għamilt u rapporti fil-midja, din naqset. Naħseb dan huwa l-punt li jien irnexxieli nuri li tista’ tmur kontra l-istigma. Meta kont żgħir kienu jibbumbardjawna bi twissijiet li jekk ikollok tattoo mhux se tirnexxi jew mhux se ssib xogħol. Jien għandi tattoos litteralment f’kull parti ta’ ġismi, u għall-grazzja t’Alla jien li jien llum.

Lil hinn minn dan kollu, l-akbar dispjaċir tiegħi huwa li ma nistax inkun f’kull ħanut u għalhekk nipprova nqassam il-ħin tiegħi matul il-ġimgħa biex inkun hemm man-nies. Forsi hawn min ma jaqbilx miegħi imma Daniel li kien jaħsel il-platti u daniel illum huwa l-istess Daniel u għalhekk jien fil-ħin tas-service x’aktarx issibni liebes bħall-ħaddiema tiegħi u għaddej gass down ma’ kulħadd biex nara li ħadd ma jonqsu xejn.

L-aktar li jiddispjaċini f’ħajti huwa li nara persuni ta’ suċċess kbir li jarmu ħajjithom għax jintilfu fl-ewwel fażi tas-suċċess tagħhom. Jien m’għandix kliem biex nirringrazzja lil dawk li meta qbadt inberbaq kulma bdejt naqla sibthom lesti biex jiġbruni minn xagħri u jerġgħu jitfugħni f’din it-triq.”

L-intervista sħiħa mal-ħarġa li jmiss ta’ It-TORĊA l-Ħadd li ġej

Sport