Saturday, May 4, 2024

FA Trophy: Faċli għal Gzira Utd kontra Zabbar SP

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Gzira Utd ……4

Zabbar SP …..0

Gzira United kisbu rebħa faċli ta’ 4-0 kontra t-team mill-Amateur League Zabbar St Patrick biex kisbu post fir-round tal-Aħħar 16 tal-Izibet FA Tropjy fejn se jkunu qed jiffaċċjaw lil Gudja United.

Id-differenza bejn iż-żewġ timijiet dehret evidenti mill-bidu sat-tmiem bi Gzira jiddominaw għal kollox il-partita għalkemm iż-Żabbarin kellhom il-mumenti pożittivi tagħhom speċjalment fl-ewwel taqsima, iżda b’mod gradwali, l-esperjenza vasta li jippossjedu l-players ta’ Gzira għamlet id-differenza kollha.

Kienu s-Saints li ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Terence Agius wara clearance erratika mid-difiża tal-Maroons intemm barra.

Gzira wieġbu fil-25 minuta u fetħu l-iskor meta Jefferson De Assis kellu xutt salvat parzjalment mill-goalkeeper ta’ Zabbar, Liam Lagana, biex mir-rebound  CLIVE GAUCI b’intelliġenza u mill-viċin tefa’ ġewwa.

Fit-43 minuta, Zabbar kel­lhom ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Kenneth Aquilina tefa’ cross fil-kaxxa u David Oliveira Souza approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Gżira, iżda kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali jintemm barra.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Gzira ħarġu aktar determinati,  u fis-47 minuta, Toni Kolega li kellu partita mill-aqwa, illobja l-ballun minn fuq Lagana iżda Mark Anthony Borg irriżulta bħala l-eroj għaż-Żabbarin hekk kif salva l-ballun minn fuq il-linja fatali.

Iżda t-tieni goal għall -Gżirjani kellu jasal mas-siegħa logħob meta wara li rċieva minn corner mogħti mill-ispeċjalista Steve Pisani, GABRIEL BOHRER MENTZ, kien fil-post it-taj­jeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa.

Dan sabiex 10 minuti wara, il-Maroons tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw it-tielet goal meta Toni Kolega xeħet cross mix-xellug għan-nofs li sab lil Clive Gauci Gauci iżda dan minn taħt il-lasta tefa’ inkredibbilment barra.

Iżda fl-84 minuta Gzira skorjaw it-tielet goal meta s-solitu Toni Kolega indirizza cross għan-nofs, b’JEFFERSON DE ASSIS ikun pront u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ l-ballun wara Lagana biex aċċerta l-kwalifikazzjoni għall-Maroons.

Gzira ssiġillaw ir-rebħa fid-90 minuta meta Toni Kolega għadda l-ballun lejn is-sostitut HYTEM KABAR li kien ilu biss ħames minuti fil-ground, li avvanza tajjeb fil-kaxxa qabel tefa’ ġewwa.

GZIRA U.: 30-Darijan Zarkov (24-Krassimir Zammit 85), 3-Gabriel Bohrer Mentz (6-Nikolai Muscat 70), 4-Marko Cosic, 5-Luke Tabone, 7-Steve Pisani (15-Hytem Kabar 85), 9-Toni Kolega, 17-Clive Gauci, 20-Nevin Portelli (8-Zack Scerri 70), 21-Jean Paul Attard, 93-Matthew Robert Gauci (19-Antonio Pavic 36), 94-Jefferson De Assis   – Coach: Darren Abdilla

ZABBAR SP: 1-Liam Lagana, 4-Carl Magro, 5-Stefan Radovanovic, 7-Gianluca Zammit, 8-Terence Agius, 10-Miguel Ciantar (2-Philip Chircop 57), 21-Francesco Gusman (77-Klajdi Cassar 80), 23-Mark Anthony Borg (66-Kyle Tanti 57), 29-Dion Fava (16-Clayton Camilleri 68), 96-Kenneth Aqulina (30-Rowad Benhamed 68), 99-David Oliveira Souza   – Coach: Fausto Craighero

REFEREE: Slobodan Petrovic

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Thomas Debono

RABA’ UFF: Ezekiel Barbara

SKORERS: C. Gauci 25, G. Bohrer Mentz 60, J. De Assis 84, K. Kabar 90 (GU)

AMMONITI: G. Bohrer Mentz (GU)

Sport