Mill-inqas persuna waħda inqatlet u aktar minn tmien persuni oħrajn fosthom tfal inħarġu minn taħt it-tifrik ta’ djar li nqerdu għal kollox fil-lejl li għadda fir-reġjun tal-kapitali Kiev.
Matul il-lejl il-forzi Russi wettqu attakk kbir fuq id-distretti ta’ Obukhiv, Brovary, Boryspil, Bucha, u Fastiv fi Kiev. F’dawn l-attakki nqerdu għal kollox ħafna djar u infrastruttura kif ukoll ħafna bini ieħor ġarraf ħsarat kbar.
Is-servizz tal-emerġenza rrispondew mill-ewwel għal dawn l-attakki fejn bdew jipprovaw joħorġu persuni li kienu jinsab taħt it-tifrik.
Fil-villaġġ ta’ Putrivka l-ħaddiema tas-salvataġġ ħarġu mill-inqas tmien persuni ħajjin minn taħt it-tifrik filwaqt li persuna oħra tilfet ħajjitha.
Fir-reġjuni kollha tal-kapitali Kiev għaddejja operazzjoni ta’ salvataġġ bit-tama li jinħarġu aktar persuni ħajjin minn taħt it-tifrik ta’ djar wara l-attakki mir-Russi.

