Tuesday, December 24, 2024

LEJN AKTAR RIFORMI FL-2024

Aqra wkoll

Kull bidu ta’ sena ġdida huwa karatterizzat minn ħafna riżoluzzjonijiet li jsiru. Min biex jaqta’ s-sigaretti, min biex iġemma’ l-flus u min biex jiddeverti aktar. Iżda fil-verità kemm dawn ir-riżoluzzjonijiet isiru b’rieda li jitwettqu? Aktarx iva milli le dawn ir-riżoluzzjonijiet jinkisru ftit jiem wara li tibda s-sena l-ġdida.

Bla dubju li sena ġdida ġġib magħha sfidi u esperjenzi ġodda. Dawn jistgħu jxekklu xi ftit dak li nkunu proponejna li se nagħmlu matul din is-sena. Imma rridu nibqgħu determinati fl-isforzi tagħna jekk irridu li nżommu ma’ dak li nkunu għedna. Minkejja li ħafna riżoluzzjonijiet individwali ma jinżammux però fejn jidħol l-Istat, dawn il-wegħdi konvinti li se jitwettqu għaliex hemm provi biżżejjed illi dak li ġie mwiegħed twettaq.

Għalhekk aħna nemmnu li l-kontinwazzjoni tar-riformi meħtieġa f’pajjiżna se jitkomplew anke matul din is-sena kif tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdda. Dan ukoll jikkonferma t-twettiq tal-manifest elettorali li bih il-Gvern Laburista ngħata mandat ieħor.

Il-Gvern kompla għaddej bil-politika tiegħu li jibqa’ jipprovdi stabbiltà, ċertezza u serħan tal-moħħ. Dan kien rifless ukoll fil-budget li kien ippreżentat għall-2024, li kien jinkludi fih diversi miżuri soċjali immirati l-aktar lejn dawk bl-inqas dħul u kif ukoll l-akbar kumpens li qatt ingħata għall-għoli tal-ħajja.

Barra minn hekk, ittieħdu sensiela ta’ deċiżjonijiet importanti li tajjeb wieħed jagħmel referenza għalihom fosthom il-fatt li għall-ewwel darba f’pajjiżna ddaħħal il-kunċett tal-liċenzjar għal min jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni u anke l-impenn biex jitħares l-ambjent bħalma rajna fil-każ ta’ Ħondoq ir-Rummien.

Pajjiżna jeħtieġ li jkompli miexi f’din id-direzzjoni filwaqt li jibqa’ jgħin lin-nies u jinċentiva n-negozji, u dan jista’ jsir għaliex għandna ekonomija li baqgħet għaddejja b’ritmu b’saħħtu. Minkejja l-isfidi ta’ madwarna li għadhom hemm, fosthom l-inflazzjoni u xi drabi anke minħabba n-nuqqas ta’ materja prima, nittamaw li l-inflazzjoni tkompli tonqos biex ma tibqax aktar piż tqil fuq il-familji u dawk bi dħul baxx.

Ekonomija

Sport