Monday, May 13, 2024

Ħaddiema barranin: Is-solidarjetà, mhux l-esklużjoni, hija t-triq ‘il quddiem

- il-President tal-GWU, Victor Carachi, fil-messaġġ għall-ewwel tas-sena

Aqra wkoll

Il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin qed tiġi mbuttata fl-aġenda tal-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, hekk kif il-partiti ewlenin jibdew ifasslu l-kwistjonijiet politiċi li fuqhom jibnu l-pjattaformi ewlenin tagħhom.

Bħala President tal-General Workers Union, l-akbar unjin tal-gżira Maltija, ma nistax ma ninnotax ċertu diskors li żgur huwa inkwetanti, kważi kważi juri ‘sentiment kontra l-ħaddiema’ – jekk mhux xenofobiku.
Wieħed jifhem li ż-żieda fil-popolazzjoni, kemm jekk sforz tal-immigrazzjoni tax-xogħol jew le, fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal xi forma ta’ impatt konsiderevoli fuq l-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi tal-gżira. Imma liema individwu jew politiku jista’ jilmenta li t-tkabbir ekonomiku tal-aħħar għaxar snin, it-tkabbir tal-impjiegi u s-sigurtà f’termini ta’ tkabbir fil-pagi u kontribuzzjoni tat-taxxa pubblika, ma kienx mixtieq?

Malta kontinwament għamlet sforz matul l-aħħar snin biex tattira investiment barrani li ħoloq l-impjiegi. F’xi każi ppremjajna lil kumpaniji multinazzjonali li stabbilixxew l-ażjendi tagħhom hawnhekk b’rifużjonijiet formidabbli ta’ 85% fuq id-dividendi taxxabbli. Ridna nattiraw aktar turisti għal-lukandi u r-ristoranti tagħna Maltin, u għalhekk inħallsu miljuni kull sena f’landing fees isussidjati għal-linji tal-ajru low-cost. Anke l-industrija Maltija tal-films stess issa hija msaħħa minn roħs fi flus kontanti sa’ 40% tal-infieq totalli f’Malta, biex tattira dan it-tip partikolari ta’ investiment barrani u ħolqien ta’ xogħlijiet.

Huwa vera wkoll li dan it-tkabbir ekonomiku wassal għal nuqqas ta’ ħaddiema f’ħafna setturi tas-servizzi, bħall-industrija tal-ikel u x-xorb, kif ukoll fil-kura tas-saħħa pubblika u fl-infrastruttura, hekk kif bdew proġetti ambizzjużi ta’ bini ta’ toroq u kostruzzjoni. M’hemm l-ebda dubju li sistema li ġġib il-ħaddiema barranin b’mod strutturat, kienet meħtieġa għal dan it-tkabbir.

Sadanittant il-popolazzjoni Maltija li qed tixjieħ kienet fil-bżonn kbir ta’ aktar infermiera u carers. U l-mobilità soċjali tal-ħaddiema Maltin li bdiet tiela’ ‘l fuq, inzertat li bdiet sewwa sew mat-tkabbir fid-domanda għal iżjed ħaddiema, fejn ċerti tipi ta’ impjiegi, kemm dawk tal-id kif ukoll b’ħiliet għolja, kellhom jimtlew minn aktar ħaddiema barranin.

Li ma nistax nifhem huwa kif ċerti forzi tal-lemin illum qed jitolbu għal xi ripressjoni fuq il-ħaddiema barranin, jew għal xi forma inspjegabbli ta’ kontroll tal-popolazzjoni li, faċilment tista’ tgħid li timmira biss lejn ċittadini minn barra l-UE.

Iżda dawn il-forzi qed jistennew li nitfgħu t-tort tal-problemi kollha ta’ din l-ekonomija li qed tikber fuq dawn il-ħaddiema barranin minn barra l-UE li jaħdmu f’Malta? Dawn li qed jibnu t-toroq tagħna, jew inaddfu t-toroq tagħna, isuqu l-karozzi tal-linja, jew iservuna fis-supermarkets? Qed jippretendu li d-dipendenza tagħna l-Maltin fuq il-karozzi privati u dal-gwaj tat-traffiku huma tort tal-ħaddiema barranin? Li l-listi twal ta’ stennija fl-isptarijiet pubbliċi huma tort tagħhom?

Għalija dan huwa messaġġ qarrieq, speċjalment issa li deħlin fi staġun politiku ieħor tal-elezzjonijiet Ewropej.

Kulħadd jaf li l-ekonomija Maltija rduppjat f’dawn l-aħħar snin u li dan kien jeħtieġ influss ta’ ħaddiema barranin. Rajniehom jaħdmu waqt il-pandemija – fiċ-ċentri tal-ittestjar, fid-djar tagħna għall-anzjani, sptarijiet, ristoranti, u fi kwalunkwe tip ta’ post tax-xogħol… anke jservuna fil-klabbs tal-futbol tagħna u ċentri sportivi oħra. Liema minn dawn il-ħaddiema għandhom jintbagħtu lura? Dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna? Dawk fl-isptarijiet? Dawk li jaħdmu spalla ma’ spalla magħna fuq il-postijiet tax-xogħol? Dawk li jaħdmu fil-klabbs tal-futbol tagħna?

Jagħmel sens li dawn in-nies jiġu ttrattati qishom xi pakkett tal-posta li jintbagħat lura minn fejn ġie, għax uħud bdew isostnu li f’daqqa waħda dawn in-nies m’għadhomx meħtieġa wara l-pandemija? Mhux aħjar niddiskutu kif dawn in-nies jistgħu jiġu integrati fis-soċjetà Maltija, b’mod li jifhmu huma wkoll l-valuri u l-liġijiet tagħna, biex nevitaw il-ħolqien tal-ghettoes?

Tabilħaqq, xi wħud mis-setturi ekonomiċi tagħna u s-servizzi pubbliċi u soċjali kruċjali jistgħu jissugraw li jikkrollaw li kieku ma kienx għar-reklutaġġ rapidu ta’ dawn in-nies. Jekk xejn, l-argument hawnhekk huwa li jkunu protetti, hekk kif il-gvern qed jagħmel permezz tal-liġijiet dwar it-temping agencies u r-reklutaġġ għall-2024.

Il-GWU laqgħet l-abbozz tar-regoli għall-aġenziji ta’ reklutaġġ. L-abbuż li kien prevalenti fost ċerti aġenziji ta’ reklutaġġ għandu jilħaq it-tmiem tiegħu fix-xhur li ġejjin. Leġislazzjoni aktar stretta tista’ tiżgura drittijiet aħjar għall-ħaddiema barranin.

Nittamaw ukoll li l-Gvern iżomm fuq l-aġenda, b’mod favorevoli, il-proposta tal-GWU għas-sħubija mandatorja fit-trejd unjins: kulħadd jaf x’inhuma d-differenzi bejn impjegati organizzati u dawk li mhumiex, speċjalment fejn jidħlu ħaddiema barranin li ta’ spiss huma ‘bla aġenzija’ fl-ekonomija tagħna: waħedhom.

Jekk verament irridu nfittxu li ntejbu l-istandards u l-governanza tajba f’pajjiżna, jeħtieġ li din il-leġiżlazzjoni tiddaħħal kemm jista’ jkun malajr. Sħubija mandatorja fit-trejd unjins tippermetti lil kull ħaddiem, barrani u Malti, jagħżel il-unjin li tirrappreżenta l-aħjar l-interessi tiegħu. Is-solidarjetà, mhux l-esklużjoni, hija t-triq ‘il quddiem.

Sport