Ninsabu kważi xahar bogħod mill-preżentazzjoni tal-baġit għas-sena d-dieħla. Dan il-baġit, it-tieni wieħed ta’ din il-leġiżlatura, mistenni li jkompli jibni fuq it-tajjeb tal-baġit ta’ qablu.
Fil-baġit 2024, kif stqarr il-Ministru tal-Finanzi, se jkun wieħed li jħares lejn il-prijoritajiet u l-isfidi li se jaffaċċja pajjiżna u li l-Gvern huwa determinat li jindirizza għaż-żmien li ġej. Fost il-prijoritajiet hemm l-inflazzjoni, it-tnaqqis fid-defiċit u fid-dejn nazzjonali.
L-attenzjoni li se tkun qiegħda tingħata hi dwar kif pajjiżna se jkun qiegħed jippożizzjona ruħu meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra fuq diversi temi. Dan sabiex pajjiżna jkun f’pożizzjoni tajba li jilqa’ għal dawn l-isfidi li għandu quddiemu.
Proprju lbieraħ tnieda d-dokument ta’ qabel il-baġit 2024 għall-konsultazzjoni pubblika. Dokument li jagħti ħarsa dettaljata tas-sitwazzjoni micro u makro-ekonomika u fiskali ta’ dan il-pajjiż filwaqt li jelenka r-riżultati miksuba f’diversi oqsma fosthom dawk fis-settur tax-xogħol.
Ninnotaw li dan il-budget se jsir fi sfond ta’ Malta, pajjiż tal-Unjoni Ewropea, bl-inqas rata ta’ qgħad. Apparti hekk, illum f’pajjiżna għandna 80% ta’ dawk in-nies li għandhom bejn l-20 u l-64 sena li qegħdin fis-suq tax-xogħol.
Dawn ir-riżultati ma nkisbux mix-xejn. Warajhom hemm ħidma sfiqa ta’ Gvern li kompla jżid l-inċentivi biex aktar persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol, inkluż il-parteċipazzjoni tan-nisa fejn ir-rata hawnhekk kompliet tiżdied minn sena għall-oħra u saħansitra qbiżna l-medja Ewropea.
Għalhekk aħna naqblu perfattament mad-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi, li fiċ-ċirkostanzi fejn fid-dinja jeżistu ħafna sfidi li jistgħu jolqtu lil pajjiżna wkoll, jibqa’ importanti ferm li jkun hemm għaqal sħiħ fit-tmexxija tal-finanzi tal-pajjiż.
Nemmnu għalhekk li l-Baġit 2024 se jkun rifless fil-pjan ċar tal-Gvern li jrid jibqa’ jagħmel differenza f’ħajjet in-nies b’miżuri ċari u mmirat għall-preżent u l-futur tas-soċjetà Maltija.