Wednesday, December 25, 2024

LEJN DEĊIŻJONI GĦALL-ĠID KOMUNI

Aqra wkoll

Is-saħħa ta’ kulħadd għandha tkun prijorità. Din m’għandhiex tkun dikjarazzjoni ta’ fuq il-karta jew waħda mpoġġija kif ġieb u laħaq. Nemmnu li hija sitwazzjoni inkwetanti ħafna li mhux biss ikollok persuni li ma jkunux qegħdin jingħataw servizz mediku, iżda saħansitra jkollok oħrajn li jiġu rrifjutati li jingħataw trattament meta ħajjithom tkun f’riskju kbir.

Kwalunkwe Union għandha dritt fil-liġi li tieħu azzjoni biex tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha. Madankollu hemm linja rqiqa li tifred l-interess tal-ħaddiem u f’dan il-każ l-interess tal-pazjent. Għalhekk union għandha toqgħod attenta, minkejja d-drittijiet li għandha, illi bl-azzjonijiet tagħha ma tpoġġix il-ħajja ta’ xi ħadd fil-periklu. F’dan il-każ minħabba nuqqas ta’ interventi kirurġiċi u għoti ta’ mediċini essenzjali.

Li union tieħu azzjoni biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħha mhix il-problema; il-problema hija meta dawn l-azzjonijiet idumu ġimgħat u warajhom ikun hemm il-weġgħat u l-istennija taċ-ċittadin li jkun qiegħed jistenna bil-ħniena biex jinqeda u jtaffi dak li huwa wġigħ li hu biss ikun jista’ jesprimi.

Iktar u iktar meta dan l-aħħar kien hemm għajdut li ma ġewx miċħuda illi l-MUMN stess issospendiet temporanjament id-direttivi li kien hemm fis-seħħ sakemm omm uffiċjal tagħha jsirilha intervent kirurġiku li kellha bżonn. Dan m’għandu qatt jitħalla jsir għaliex fejn tidħol is-saħħa tan-nies m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni. Dan m’għandux iseħħ, iktar u iktar meta l-istess union qiegħda tisħaq kontra d-diskriminazzjoni mal-ħaddiema tagħha. Saħansitra l-ogħla liġi tal-pajjiż, il-kostituzzjoni tipprojbixxi kwalunkwe forom ta’ diskriminazzjoni.

Tajjeb li ninnutaw ukoll li ħames snin ilu, l-istess union kienet approvat ftehim settorjali u li llum il-gvern qiegħed jipproponi ftehim settorjali li permezz tiegħu ż-żidiet fis-salarji jkunu aktar mid-doppju ta’ dak iż-żmien. Filwaqt li l-pubbliku jista’ jasal biex jirraġuna rigward ċertu żidiet fl-għoli tal-ħajja, ma nagħtuh l-ebda tort li jistaqsi dwar kif qegħdin jiġu kkalkulati dawn iż-żidiet li skont l-MUMN għandhom jingħataw. Mhux biss, b’żidiet aktar mid-doppju tal-ftehim settorjali tal-2018, l-istess union qiegħda tgħid li l-gvern mhux lest li jasal għal soluzzjonijiet u bilkemm mhix toħodha kontra tiegħu meta ddeskriva li dan il-pakkett bħala proposti b’saħħithom u li bihom se jagħti lill-infermiera l-aħjar kundizzjonijiet li qatt kellhom.

Issa l-ballun jinsab f’saqajn l-istess membri. Il-Kunsill ta’ l-MUMN ħabbar li se jsejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja għall-infermiera u l-qwiebel biex ikunu huma stess li jiddeċiedu jekk dan hux aċċettabbli jew le. Sadanittant, il-union ħabbret li mis-7:00 a.m tal-lum hija se tkun qiegħda tissospendi l-azzjonijiet tagħha. Din tal-aħħar nistgħu nqisuha bħala x-xaqq ta’ dawl li jista’ jwassal għal qbil li fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ ġid għall-partijiet kollha inkluż, l-istess ħaddiema u l-pazjenti.

Ekonomija

Sport