Friday, April 19, 2024

Lejn il-Baġit

Aqra wkoll

Minn Alfred Sant

Nifhem il-pressjoni politika li tkun qawwija fuq gvern biex jidher li l-affarijiet jinsabu għaddejja bla bosta problemi. Biss meta jkunu problemi li gvern ma jistax ilaħħaq magħhom għax jinqalgħu minn forzi għal kollox barra mill-kontroll tiegħu, naħseb li kull gvern irid joqgħod attent li ma jagħtix kmieni wisq l-idea li l-affarijiet resqin lejn tmiem kollu suċċess.

Din l-isfida se tkun intensa meta jersaq żmien il-baġit. Ninsabu f’qagħda tajba ħafna anke issa, biex nirreżistu għad-daqqiet li l-pandemija tat u se tibqa’ tagħti lill-ekonomija. Ħaġa bħal din tinkoraġġixxi l-fehma li għad naslu. M’għandix dubju li hekk  se nagħmlu.

Madankollu, it-triq tista’ tkun itwal milli nixtiequ jew inbassru. Tkun ħaġa għaqlija jekk il-baġit li jmiss la jagħti tamiet li jistgħu jkunu foloz u lanqas jaħraq wisq mill-porvli maħżun, anke jekk dan jiddiżappunta lil min irid jgħaġġel. Iċ-ċansijiet mhumiex ċkejkna li għal ekonomiji bħal tagħna li jiddependu ħafna mis-servizzi, l-effetti negattivi tal-imxija jistgħu jibqgħu jtulu.

***

MALTA FL-AĦMAR

Fl-aħħar ġimgħat, skont il-kejl li sar jintuża f’diversi pajjiżi Ewropej, il-qagħda sanitarja ta’ Malta fir-rigward tal-corona virus daqqa kienet oranġjo, daqqa ħamra. Il-bidla fil-kulur tal-klassifika jibdel it-trattament li jingħataw vjaġġaturi minn pajjiżi hekk lejn pajjiżi oħra. Biss, f’dit-tieni mewġa li tinsab għaddejja, tant żdiedu l-infezzjonijiet mal-Ewropa kollha li diffiċli tgħid kemm għadhom rilevanti d-distinzjonijiet li qed isiru.

Żgur hu li qed iħarbtu l-kurrenti ta’ ivvjaġġar fiż-żona ta’ Schengen li suppost twaqqfet biex tassigura l-moviment ħieles ta’ persuni bejn kull naħa tagħha. Wara li tkun ingħelbet din l-imxija, se jkun kruċjali li l-operat taż-żona jiġi mifli mill-qiegħ.

***

AKTAR DWAR L-INFLAZZJONI

Meta nhar it-Tnejn, kellmet lill-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament Ewropew, il-gvernatur tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde stqarret li s-servizzi tagħha qed ibassru dawn ir-rati ta’ inflazzjoni għall-Ewropa: 0.2 fil-mija għal dis-sena; 1 u 1.3 fil-mija rispettivament għas-snin 2021 u 2022.

Dawn iċ-ċifri jerġgħu jpoġġu s-serċlajt fuq l-andament tal-prezzijiet fl-ekonomija mhux biss Ewropea, imma anke mondjali. Veru li ninsabu f’nofs riċessjoni gwappa kkawżata mill-kriżi sanitarja. Imma l-kondizzjoni ta’ prezzijiet li jew ċassi jew anke neżlin ’l-isfel ilha magħna mumru ta’ snin. U dan meta l-banek ċentrali – inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew – baqgħu jippompjaw flejjes enormi fl-ekonomiji.

Sal-lum, jidher li m’hemmx spjega sodisfaċenti għaliex qed jiġri hekk. Xorta waħda, il-politika fiskali u monetarja qed tibqa’ tiġġedded minn perijodu għall-ieħor skont id-dommi li huma segwiti llum waqt li r-riżultati ma tantx qed ivarjaw minn perijodu għall-ieħor.

Sport