Sunday, November 24, 2024

LEJN PROSPERITÀ ĠDIDA B’SETTURI EKONOMIĊI ĠODDA

Aqra wkoll

Biex ikompli jkabbar u jiddiversifika l-ekonomija, il-Gvern imbarka fuq proġett li se jara lil pajjiżna jagħmel il-qabża li jmiss fil-qasam tal-enerġija rinovabbli u li se jwassal ukoll sabiex jinħolqu setturi ġodda. Dan huwa qasam li l-Gvern qiegħed jara li jista’ jkompli jimraħ aktar fih u dan permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ diversi pajjiżi oħra li jmissu mar-reġjun tal-Mediterran. 

F’dawn l-aħħar jiem, fil-Parlament, saret id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ Liġi dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva sabiex ikun imwessa’ t-territorju minn fejn issir l-attività ekonomika mingħajr ma tiġi żviluppata l-art. Dan ifisser li żona ‘l barra mit-12-il mil nawtiku, jew aħjar ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin, se tkun qiegħda tiġi użata għat-twettiq ta’ din l-istess attività ekonomika.

B’sodisfazzjon ninnutaw li l-interess diġà qiegħed hemm tant li r-rispons għal dawn il-proġetti kien wieħed inkoraġġanti, mhux biss lokalment, imma wkoll internazzjonalment. Hawn naqblu ma’ dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela li b’deċiżjonijiet bħal dawn se jkun qed jiġi sfruttat il-potenzjal li għandu pajjiżna.

F’dan il-kuntest, qed tkun esplorata wkoll il-possibilità li l-enerġija ġġenerata minn dawn il-proġetti tiġi esportata lejn il-bqija tal-Unjoni Ewropea u dan f’impenn biex jintlaħqu l-miri ambjentali Ewropej. Għalhekk, b’dawn il-passi li qed jittieħdu, qed jintwera għal darb’oħra kemm pajjiżna qiegħed tassew miexi mill-kliem għall-fatti u qed jara s-siwi li għandhom proġetti bħal dawn għall-komunità b’mod inġenerali.

Nemmnu għalhekk li b’dawn il-proġetti se jinfetħu opportunitajiet kbar għal pajjiżna, u se nimxu għall-pass li jmiss fis-settur tal-enerġija.

L-għan aħħari jibqa’ dak li jkollna arja aktar nadifa, il-ħolqien ta’ aktar investimenti f’setturi ekonomiċi sostenibbli u iżjed opportunitajiet ta’ xogħol fl-ekonomija l-ħadra u l-blu, u li tkompli titjieb il-kwalità ta’ ħajja għall-poplu Malti u Għawdxi.

Dan kollu jawgura tajjeb kemm għall-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll biex tinħoloq prosperità ġdida li minnha jgawdu l-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. 

Sport