Kulma jmur il-qasam tas-saħħa qed ikompli jtejjeb is-servizzi tiegħu għall-poplu. Dan qed iseħħ permezz ta’ investiment qawwi f’tagħmir mediku bl-aktar teknoloġija avvanzata bil-għan li l-pazjenti Maltin ikollhom titjib fil-kwalità tas-saħħa tagħhom.
Dawn is-servizzi mediċi se jkomplu mexjin ’il quddiem meta fil-ġimgħat li ġejjin iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċentru Moran f’Raħal Ġdid se jkun qed jopera fil-massimu tiegħu. Dan huwa żvilupp pożittiv li minbarra l-vantaġġi li se joffri għal pazjenti f’dawk l-akwati, mistenni wkoll li jnaqqas mill-pressjoni fuq l-isptar ċentrali, f’Mater Dei.
Wara assenza ta’ bosta snin, lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, reġa’ ġie introdott is-servizz tal-ħelikopter, b’helipad ġdida fl-Isptar Mater Dei. Dan għandu jservi biex persuni li jkunu b’emerġenza mill-Isptar t’Għawdex jitwasslu f’Mater Dei b’aktar ħeffa u jingħataw trattament malajr. Dan is-servizz iservi wkoll f’każijiet ta’ salvataġġ fejn ikun hemm persuni li jkunu korrew.
Xhieda ta’ kemm dan is-servizz huwa essenzjali joħroġ mill-fatt li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena diġà ġew trasportati ’l fuq minn 30 persuna. Dan kollu se jkompli jżid mal-effiċjenza li dejjem qed titjieb fis-settur tas-saħħa pubblika. Ma’ dan ma nistgħux ma nsemmux ukoll investiment qawwi f’oqsma oħra tas-saħħa fosthom l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, f’St Vincent de Paul u anke fiċ-ċentri tas-saħħa u bereġ reġjonali.
Altru milli l-Ministeru tas-Saħħa qed jittraskura dan il-qasam. Għalkemm nemmnu li għad hemm lok għal aktar titjib, speċjalment fejn jidħlu appuntamenti u stennija tan-nies, għandna għax nifhmu li fil-budget li ġej, il-vot tas-saħħa se jerġa’ jkun sostanzjali u anke nistennew illi t-tagħmir mediku jkompli jkun wieħed avvanzat biex jadatta għar-realtajiet tal-lum ta’ ħafna nies li kontinwament ifittxu servizz tas-saħħa effiċjenti u bla ħlas.
Dan kollu qed jitwettaq għaliex il-poplu Malti hekk jistħoqqlu. Illum is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna tant mexa ’l quddiem illi wasalna fi stat fejn ċertu operazzjonijiet qed isiru f’pajjiżna u l-pazjenti m’għandhomx bżonn isiefru biex ikollhom il-kura li jkunu jeħtieġu.