Ir-riforma fil-liġi tal-familja, minbarra li se ttejjeb l-effiċjenza u l-proċessi, għandha l-għan ukoll li tpoġġi s-sistema kollha f’pożizzjoni li tagħti riżultati aħjar, aktar ġusti u aktar umani.
Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda diversi liġijiet relatati mat-twaqqif tal-Qorti tal-Familja.
Il-Ministru Attard beda biex qal li dan l-abbozz huwa xhieda ċara ta’ Gvern riformist li mhux biss jisma’ iżda jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi biex iwettaq bidliet konkreti.
Huwa qal li r-riforma fil-Qorti tal-Familja mhix biss kienet wegħda elettorali tal-manifest ta’ dan il-Gvern imma wkoll realtà ta’ sfidi li ċertament kulħadd iltaqa’ u miss direttament jew indirettament magħhom.
Il-Ministru tenna li l-bażi fundamentali ta’ din ir-riforma ssib ruħha f’dan l-abbozz ta’ liġi u li jemenda tliet kapitoli separati, li huma l-Kodiċi Ċivili, il-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u l-Kodiċi Kriminali. Dan filwaqt li t-tieni intervent leġiżlattiv jitratta “overhaul” sħiħa tal-liġi sussidjarja fejn din se tiġi mħassra u tidħol liġi sussidjarja ġdida.
“Għall-ewwel darba se nkunu qed nistabbilixxu Qorti tal-Familja speċjalizzata. Preżentament din hija sezzjoni fi ħdan il-Qorti Ċivili iżda f’linja mal-qalba lejn l-ispeċjalizzazzjoni se mmorru lejn Qorti distinta, Qorti li mhux biss ikollha l-Imħallfin imħarrġin u speċjalizzati iżzda komplimentata b’struttura amministrattiva,” tenna l-Ministru Attard.
Huwa fisser kif dan il-pass kuraġġuż mhux biss bidla ta’ isem fuq il-karta iżda hi s-sostenn ewlieni ta’ din ir-riforma komprensiva, filwaqt li twitti t-triq għat-tieni fażi tar-riforma tal-Qorti tal-Familja li se tkun ukoll qed timxi għall-binja ġdida, moderna u li fuq kollox tirrifletti l-eżiġenzi u l-elementi neċessarji kollha.
Il-liġi sussidjarja l-ġdida tintroduċi definizzjonijiet aktar ċari, proċess ta’ medjazzjoni b’timeframes definiti, protezzjoni msaħħa f’każijiet ta’ vjolenza domestika u manipulazzjoni intenzjonata, mekkaniżmi ta’ infurzar aktar b’saħħithom u parteċipazzjoni aktar effettiva tat-tfal.
Kien hawn fejn il-Ministru sostna li fiċ-ċentru ta’ din ir-riforma hemm il-kunċett li jipprevali f’kull aspett: dan mhu xejn għajr l-aħjar interess tat-tfal. Qal ukoll li r-riforma ssaħħaħ ir-rwol tal-medjaturi, kif se jissaħħaħ l-irwol tal-Avukat tat-Tfal bħala Gwardjan ad litem, u rwol ieħor innovattiv fil-proċess se jkun dak tal-persuni ta’ sostenn.
Fl-istadju tal-medjazzjoni, qed ikun indirizzat b’mod dirett id-dewmien u dawk l-istanzi fejn b’abbuż, il-proċess jitwal bla bżonn. It-terminu ta’ żmien tal-medjazzjoni se jkun dak ta’ sitt sessjonijiet b’terminu massimu ta’ tmien xhur, liema terminu jista’ jiġi estiż għal perjodu massimu ta’ erba’ xhur oħra.
Din ir-riforma tistabbilixxi wkoll bażi legali ċara għall‑prinċipju ta’ co‑parenting, u b’hekk ma jkun hemm ebda limitazzjoni legali li tista’ żżomm lill-Qorti milli, wara li teżamina bir-reqqa l-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-każ, tapplika dan il-prinċipju.
Barra minn hekk, f’dan l-abbozz qed jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet tar-reat kontinwat għal ksur relatat mal-manteniment, aċċess, kustodja u obbligi ċivili relatati mal-minuri.
Fil-kuntest ta’ Parental Alienation, din ir-riforma tagħti setgħat estiżi lill-Qorti biex tidentifika u tieħu azzjoni kontra kwalunkwe forma ta’ manipulazzjoni, inkluż is-sospensjoni jew il-varjazzjoni tad-drittijiet meta jkun hemm provi ta’ abbuż intenzjonat tal-proċess.
Fl-istess waqt, se jiddaħħal fis-seħħ il-proċess tal-“In absentia”, jiġifieri li persuna tiġi ġġudikata jew jiġu kkunsidrati proċeduri kriminali kontriha meta hija ma tkunx preżenti fiżikament għall-proċess. “Dan jista’ jiġri biss f’ċerti ċirkustanzi u skont garanziji ġuridiċi stretti, għaliex irridu nassiguraw li fl-istess waqt nipproteġu d-dritt għal smigħ ġust kif tixhed il-kostituzzjoni u l-konvenzjoni ewropea tad-drittijiet tal-bniedem,” qal il-Ministru Attard.
Tenna jgħid li din ir-riforma mhijiex biss tibdil tekniku, iżda bidla kulturali fil-mod kif inħarsu lejn il-ġustizzja tal-familja. Permezz tal-ħolqien ta’ Advisory Committee għall-Ġustizzja tal-Familja, se jkun assigurat li r-riforma tibqa’ dinamika u aġġornata.
Il-Ministru Attard temm jgħid li “din ir-riforma hija biss il-bidu ta’ proċess biex inkomplu nipprovdu servizz aħjar, aktar effettiv u effiċjenti lis-soċjetà tagħna u dawk li jkollhom jirrikorru għal-Qrati. Dan il-Gvern għandu l-polz ma’ dawn in-nies, u ser ikun ta’ spalla magħhom biex il-proċeduri fil-Qrati ma jkunux ta’ għafsa oħra fuqhom.”

