Saturday, November 23, 2024

Lekċerer jissuġġerixxi forum dwar l-immigrazzjoni … Dr George Vital Zammit jisħaq għal politika nazzjonali dwar dan il-qasam

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-lekċerer fl-Università ta’ Malta Dr George Vital Zammit huwa tal-fehma li fil-pajjiż għandu jitwaqqaf forum li jiġbor fi ħdanu dawk kollha b’interess fuq l-immigrazzjoni biex hekk tkun tista’ titfassal ukoll politika dwar dan il-fenomenu.

Għalkemm il-Covid-19 naqqas l-attenzjoni tal-poplu minn fuq din il-kwistjoni, il-fatt li kien hemm 400 immigrant miżmumin fuq erba’ dgħajjes barra t-territorju Malti xorta żamm il-kontroversja dwar l-immigrazzjoni għaddejja.

F’kummenti lil dan is-sit, Dr Vital Zammit irrikonoxxa li ftit huma t-temi li jqanqlu daqshekk reazzjonijiet u emozzjonijiet fostna daqs l-immigrazzjoni u sostna li f’kull rokna tad-dinja din iġġib magħha sfidi kbar għal kulħadd.

Huwa saħaq li rridu nżewwġu żewġ affarijiet importanti flimkien, l-interess nazzjonali kif ukoll id-dinjità tal-bniedem, li soltu spiss jitpoġġew fuq binarji differenti u jiġu f’kunflitt ma’ xulxin għal diversi raġunijiet.

Waqt li fakkar kif il-bniedem ilu jiċċaqlaq sa minn meta evolva, Dr Vital Zammit spjega kif huwa stmat li wieħed minn kull 30 persuna qed jgħix f’art li ma twelidx fiha għalkemm it-tendenza hija li iktar ikunu aċċettati dawk li jaħarbu għax ħajjithom tkun fil-periklu milli dawk li jaħarbu biex jaqilgħu għixien aħjar.

Huwa rrimarka kif għal dawn l-aħħar 25 sena pajjiżna, b’varjazzjonijiet minn sena għall-oħra, ħabbat wiċċu ma’ din l-isfida li wasslu biex fil-bidu tas-snin 2000 bdew ukoll jinbtu movimenti u partiti tal-lemin bħala reazzjoni soċjali għal dak li kien qed jiġri. 

“Għalkemm l-ebda minn dawn ma qatt rebaħ xi forma ta’ siġġu f’livell lokali, nazzjonali jew Ewropew jidher li nstabet umbrella li tiġbor fiha nies li raw l-immigrazzjoni bħala theddida għall-identità nazzjonali. Bl-iżvilupp tal-mezzi soċjali, id-diskors dwar it-tema tal-immigrazzjoni dar f’wieħed ta’ kunflitt perpetwu b’diskors li joħroġ mill-konfini taċ-ċiviltà”.

Dr Vital Zammit esprima t-tħassib tiegħu li minn pjattaforma ta’ djalogu l-mezzi soċjali saru pjattaforma ta’ tgħajjir, odju u intolleranza waqt li qal li jemmen li r-raġuni li twassal għal din l-imġieba mhi xejn ħlief il-biża’. 

Huwa insista li hawn fejn trid tidħol il-politika fejn saħaq li jekk hawn bżonn kunsens nazzjonali dan huwa proprju dwar l-immigrazzjoni għax ma nistgħux inħallu suġġett bħal dan jinġarr mal-kurrent tal-populiżmu u t-twemmin estrem. 

“Il-prezz li rridu nħallsu ta’ dan huwa għoli wisq. L-istorja tgħallimna li meta tlifna l-kontroll sploda l-kunflitt soċjali b’konsegwenzi gravi. Għalhekk nemmen li għandu jkun hawn sforz ikbar biex nersqu lejn politika bipartisan, politika ta’ kunsens, fejn il-miri ta’ pajjiżna f’dan il-qasam huma maqbula”.

Kien hawn li huwa issuġġerixxa li jitwaqqaf forum permanenti dwar il-politika tal-immigrazzjoni li jkun jiġbor fih rappreżentazzjoni wiesgħa ta’ partijiet interessati bħal partiti, għaqdiet mhux governattivi, rappreżentazzjonijiet reliġjużi, għalliema, il-forzi tal-ordni, il-midja u saħansitra dawk l-iktar xettiċi u forsi ostili. 

“Permezz ta’ djologu regolari tista’ titfassal strateġija ta’ kif pajjiżna jista’ jersaq lejn politika nazzjonali tal-immigrazzjoni, dik li jkollha qbil mifrux, mhux bilfors assolut. Dan għandu jkun punt ta’ tluq”. 

Huwa żied li matul is-snin gvernijiet differenti dejjem ħadu deċiżjonijiet fl-interess nazzjonali, anki meta żbaljaw, u nsista li għalhekk għandu jkun hemm politika ta’ kunsens biex ixxejjen ix-xettiċiżmu, il-biża’ u l-intolleranza milli jkomplu jifirdu l-pajjiż.

Dr Vital Zammit enfasizza li r-realtà tal-lum hija li Malta tiġbor fiha eluf ta’ nies li jsejħulha darhom anki jekk ma twildux hawn u waqt li irrikonoxxa li pajjiżna mhux kbir biżżejjed biex jilqa’ lil kulħadd nsista li qabel ma nressqu t-tema tal-immigrazzjoni quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali rridu nkunu maqgħudin fi front wieħed f’pajjiżna stess.

Sport